Kellu jintuża it-taser gun għal diversi drabi, qabel ma Bojan Cmelik ġie arrestat.
Dan intqal f’xhieda dalgħodu fil-Qorti hekk kif kompla jinstema’ l-ġuri fil-każ ta’ qtil tal-Imprenditur Hugo Chetcuti.
Is-Surġent Ivan Attard, li kien stazzjonat fl-għassa ta’ San Ġiljan qal li għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħaxija rċieva telefonata biex tirrapporta li persuna kienet ingħatat daqqiet ta’ sikkina qrib Hugo’s Boutique Hotel.
Meta hu u kollega tiegħu marru fuq il-post, huma ġew avviċinati minn Isaac Chetcuti, ħu l-vittma.
Huwa qalilhom li waqt li fl-istabbiliment il-ġdid li kien għadu kemm ġie inawgurat, raġel avviċina li Hugo, għajjatlu b’ismu, għannqu u tah żewġ daqqiet ta’ sikkina.
Isaac ipprova jiġri wara l-aggressur, iżda tilfu u rritorna fil-post fejn seħħ id-delitt.
Is-Surġent qal li l-aggressur kien liebes flokk skur, shorts ċar u kappell.
Dak il-ħin il-Pulizija marru fl-inħawi ta’ Spinola.
Huwa sostna li huma ġew imwaqqfa minn kollega tagħhom u qalilhom li ra persuna li kien jaqbel mad-deskrizzjoni tal-aggressur.
Dan kien qed jiġri fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema.
Minn hemmhekk, huma rritornaw lejn il-promenade.
Huwa ġera lejn it-triq tal-bank Lombard, huwa ġie identifikat u ordnat biex jieqaf.
Huwa dar mal-blokka appartamenti u reġa’ mar lejn il-promenade iżda minn hemmhekk is-Surġent Attard tilef lis-suspettat.
Ftit wara, membri tal-Rapid Intervention Unit infurmathom li qabdet lis-suspettat fi Triq Santa Elena.
Attard mar fuq post u sab lill-aggressur immanettjat u mdawwar bil-Pulizija.
Saret tfittxija fuqu u nstabet sikkina.
Huwa ttieħed fl-għassa tal-Pulizija u hemmhekk qalilhom li jismu Bojan Cmelik.
Cmelik ittieħed l-isptar biex jingħata l-kura minħabba xi ġrieħi li kellu, imbagħad ittieħed lura fl-għassa tal-Pulizija.
L-Uffiċjal tal-Pulizija kien muri xi ilbies u vverifika li dawk kienu l-ħwejjeġ li kien liebes l-akkużat dakinhar li twettaq id-delitt.
Huwa kien muri wkoll l-arma li biha twettaq il-qtil u kkonferma li raha fuq l-imputat.
L-eks Uffiċjal tal-Pulizija Karl Dimech xehed fil-Qorti li huwa tkellem ma’ Isaac Chetcuti, li spjegalu kif ġara r-reat.
Dak il-ħin il-vittma kien diġà ttieħed l-isptar.
Huwa identifika lill-akkużat imma qal lil l-istatura tiegħu nbidlet xi ftit.
Filwaqt li l-Uffiċjal tal-Pulizija Glenn Vella spjega fil-Qorti kif l-Pulizija rnexxielhom jarrestaw lil Cmelik.
Huwa qal li wara li ntuża t-tase gun, l-akkużat kien se jaħrab iżda l-Pulizija rnexxielha trażżnu għal tliet darbiet.
Vella tenna li waqt li kien mal-art, Cmelik ipprova jagħti daqqiet ta’ sieq lill-Pulizija.
Sostna li l-imputat kien b’saħħtu ħafna.
L-Uffiċjal tal-Pulizija Joseph Camilleri, qal li hu spara t-taser lejn l-akkużat, u dan waqa’ mal-art.