Waqt il-ġuri ta’ Toni Curmi ta’ disgħa u tletin sena mixli bi traffikar ta’ droga, intqal li ebda marki ta’ swaba’ tal-imputat ma nstabu fuq basket li kien fih aktar minn elf u disa’ mitt gramma kannabis.
Fil-garaxx tiegħu intqal li nstabu wkoll miżien u mgħarfa li fuqhom it-tnejn kien hemm traċċi ta’ kokaina.
Fost l-evidenza f’dan il-każ, hemm ukoll informazzjoni miġbura minn mobiles, li fost l-oħrajn, fihom kuntatti msemmija “it-Topo” u “Melvin Ħaxixa”.
Meta mistoqsi fuq dawn l-ismijiet, l-Ispettur sostna li l-imputat kien viċin ta’ kriminali li kienu magħrufa sew mal-Pulizija.