Niġerjan ta’ 33 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie kkundannat erbgħa u għoxrin sena ħabs wara li nstab ħati f’ġuri, li stupra lil martu.
F’ġuri, ir-raġel instab ħati ta’ seba’ kapi ta’ akkużi u ma nstabx ħati li ġiegħel lil martu tipprostitwixxi ruħha u li għex minn fuq id-dħul tagħha.
Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija f’Ġunju tal-2020, meta l-mara marret tirrapportah ftit wara li kienet għadha kif qalgħet xebgħa u ġegħelha jkollha x’taqsam miegħu quddiem uliedha.
Ir-raġel kien mixli li bejn l-2013 u l-2020, stupra lil martu, anki meta kienet fid-disa’ xahar tat-tqala tagħha.
Dan il-ġuri, li beda nhar it-Tlieta, instema’ bil-bibien magħluqa minħabba s-sensittività tal-każ.