Ġurat supplimentari ġie skwalifikat mill-ġuri tal-Maksar wara li nstab li kellu tablet.
Meta individwu jintgħazel bħala ġurat jittieħidlu kull mezz elettroniku dan sabiex ma jkun jista jikkomunika ma ħadd, ma jkunx jista’ jaqra x’jintqal fil-midja biex l-opinjoni ma tkunx influwenzata u l-verdett li jagħti jkun ibbazat fuq ix-xhieda li sema’ fil-qorti.
Id-deputat reġistratur qalet li kien messaġġ li ntbagħat mill-mara tal-ġurat lill-Qorti li beżgħet li se tiġi fl-inkwiet għax ir-raġel tagħha prova jagħmel komunikat magħha bit-tablet li wassal biex l-awtoritajiet tal-qorti jkunu jafu li wieħed mill-ġurat kellu tablet.
Malli telgħu fil-kamra, l-ħaddiema tal-qorti sabu it-tablet fil-kexxun. Il-ġurat qal li żamm it-tablet fuqu biex jikkomunika mat-tifel biex jeħodlu ħsieb il-ġnien.
L-Imħallef Edwina Grima ħatret lil espert Martin Bajada sabiex jezamina il-kontenut tat-tablet u kif intuza f’din l-aħħar ġimgħa mill-ġurat li ilu li beda l-ġuri.
L-Avukat Amadeus Cachia talab sabiex isiru tfittxijiet lil ġurati kollha biex jiġi żgurat li ħadd m’għandu l-ebda tagħmir elettroniku għax kieku ma ntbgħatx il-messaġġ m’għand il-mara tiegħu ma kinux ikunu jafu li għandu tablet. Il-qorti ċaħdet it-talba.
L-avukat Ishmael Psaila għan-nom tal-erba’ akkużati qal li huwa qed jirriżerva l-pożizzjoni tiegħu u talab sabiex għalissa l-qorti ma tismax iktar xhieda qabel ikollu serħan moħħ tal-kontenut tat-tablet.
L-Imħallef issospendiet għal ftit ħin madankollu ordnat sabiex il-ġuri jitkompla.
Intant, l-Imħallef ġiet infurmata li ġurat ordinarju ma jiflaħx. Itella’ jixhed it-tabib u qal li dan il-ġurat għandu bżonn 3 ijiem mistrieħ.
It-tabiba eżamina lil Prim Ġurat u żewġ ġurati oħra madankollu qal li dawn jistgħu jkomplu bħala ġurati.
L-Imhallef Edwina Grima ordnat sabiex il-ġurat jiġi eżentat u jidħol ġurat supplimentari.
Xehed Martin Bajada li qal li beda jevalwa l-history tat-tablet u għalkemm għadu mhux lest mix-xogħol jirrizulta li bejn 24 ta’ April u 30 ta’ April il-ġurat supplimentari għamel 3000 web search fosthom daħal fuq sit tal-gvern biex jifhem l-irwol tiegħu ta’ ġurat u daħal jaqra artikli ta’ neswbook u t-times of malta artikli tal-ġuri.
Bajada se jkompli jeżamina t-tablet u għada filgħodu se jikkomunika mal-qorti u jkompli jinforma lil qorti.
L-Avukat Alfred Abela u Ishmael Psaila talbu li fid-dawl ta’ dak li skopra sa issa Martin Bajada jirriżulta li gideb lic-chief marixall meta qalu li ma fittex xejn fuq il-ġuri, talbu li l-ġuri jiġi sospiz sakemm Martin Bajada jlesti ir-rapport tiegħu. Il-qorti laqgħet din it-talba u l-ġuri ġie sospiż. L-Imħallef ordnat lil Martin bajada sabiex ilesti r-rapport tiegħu sa għada filgħodu.