Ġunju kien xahar pjuttost tajjeb għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta madankollu x-xahar t’Awwissu mistenni jkun aktar kwiet minħabba l-miżuri restrittivi li daħlu fis-seħħ tul dan ix-xahar.
Dan ħabbru l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali Alan Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta rendikont tal-moviment tal-passiġġieri tul l-ewwel sitt xhur tas-sena.
Qal, “Ġunju meta rajna l-ftuħ tal-istaġun turistiku rajna tkabbir sostanzjali. Meta tikkompara ma’ Mejju, f’Ġunju kellna kważi 190,000 li turi l-opportunità l-attrazzjoni ta’ Malta fis-settur turistiku.”
Studju kkummisjonat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Ivvjaġġar wera li kwart tal-passiġġieri li qed jivvjaġġaw jippreferu jmorru f’postijiet bix-xemx u l-baħar. Dan kompla jpoġġi lil Malta fuq il-mappa turistika f’perjodu fejn l-ivvjaġġar fuq xogħol naqas drastikament.
Il-Kap tat-taqsima li tieħu ħsieb it-trafifku tal-ajruport f’Malta, Alex Cardona spjega li fl-ewwel sitt xhur għaddew mill-ajruport kważi erba’ mija u erbat elef passiġġier. Tnaqqis ta’ aktar minn miljun u nofs passiġġier meta tqabbel mal-2019.
L-aktar pajjiżi li ġabu turisti kienu: l-Italja, il-Ġermanja, Franza, Polonja u Spanja. L-aktar rotot popolari huma ta’ Frankfurt, Ruma, Munich, Katanja u Istanbul.
Min-nhar is-Sibt li ġej se jibda wkoll il-Cruise and Fly fejn se jibdew jaslu turisti minn Newark fl-Amerka, bil-għan li mal-wasla tagħhom jibqgħu telgħin fuq cruiseliner għal vjaġġ mal-Mediterran.
Minkejja li l-andament fl-ajruport ikkalma, l-ajruport baqa’ għaddej bi proġetti ta’ investiment fejn kważi tlesta il-proġett tal-parkeġġ il-ġdid u beda x-xogħol preparatorju għal Apron X, parkeġġ ġdid għall-ajruplani.
L-ajruport jinsab għaddej ukoll bil-ħidma preparatorja fuq Skyparks 2 u numru ta’ proġetti iżgħar ta’ tisbiħ fil-binja tal-ajruport.