- It-temperaturi medji tal-arja u tal-baħar aktar minn 1°C ogħla min-norma klimatika
- L-aktar ġranet imdawlin f’Ġunju jgawdu minn 13-il siegħa xemx
- Tlitt ijiem jipproduċu total ta’ 7.2mm xita
Il-gżejjer Maltin esperjenzaw aktar ġranet xemxin u temperaturi għoljin tul ix-xahar ta’ Ġunju, hekk kif ir- rebbiegħa ġiet fi tmiemha u beda s-sajf. L-ewwel jum ta’ dan l-istaġun kien imdawwal b’xejn anqas minn 12.7 sigħat ta’ xemx u t-temperatura tal-arja laħqet massimu ta’ 29°C. Dan ġie komunikat mill-Uffiċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-aħħar jiem ta’ Ġunju ma kinux antiċipati b’tant entużjażmu, hekk kif twissija maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku indikat li x-xahar kien ser jiġi fi tmiemu b’mewġa ta’ temperaturi għoljin ħafna. Fid-29 u t-30 tax-xahar, it-temperatura laħqet massimu ta’ 36.4°C u kienu ħafna dawk li rħewlha lejn il-baħar sabiex jippruvaw iżommu friski.
It-temperatura medja tal-baħar għall-Ġunju kienet 1.8°C ogħla min-norma klimatika ta’ 21.5°C, filwat li t- temperatura medja tal-arja kienet 1.4°C ogħla min-norma klimatika ta’ 23.9°C.
Il-ġranet kienu mdawlin aktar u gawdew minn medja ta’ 11.5 sigħat ta’ xemx. Filwaqt li x-xemx ħarġet għal massimu ta’ 13-il siegħa fil-15, is-16 u s-17 ta’ Ġunju, is-6 ta’ Ġunju kienet l-aktar ġurnata mudlama tax-xahar, li matulha x-xemx ħarġet għal ftit aktar minn sagħtejn.
Dakinhar, maltempata bis-sajjetti pproduċiet 4.8mm mit-total ta’ 7.2mm ta’ xita mkejlin f’Ġunju. Dan it-total qabeż in-norma klimatika b’4.0mm, iżda ma kienx biżżejjed biex jikser ir-rekord li ġie stabbilit f’Ġunju 2007, meta niżlu xejn anqas minn 76.2mm ta’ xita.
Il-veloċità medja tar-riħ għal Ġunju kienet ta’ 6.6 knots, bil-buffura massima ġiet osservata fit-18 ta’ Ġunju b’veloċità ta’ 30 knot.