Proġett imwettaq mid-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq li jagħmel parti mid-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ġabar it-total ta’ sbatax-il ġugarell elettriku għall-ittestjar dwar is-sigurtà tagħhom skont l-istandard EN62115. Ġew ukoll ittestjati għall-preżenza ta’ sustanzi perikolużi (Lead u Cadmium) skont id-Direttiva 2011/65/EU f’apparat elettriku jew elettroniku (ROHS). Il-ġugarelli miġbura kienu jinkludu dawk li joperaw b’batteriji taċ-ċelloli, ġugarelli tal-laser, u ride-on toys fost l-oħrajn. It-testijiet fuq dawn il-ġugarelli saru f’laboratorju akkreditat.
Mit-testijiet imwettqa, irriżulta li wieħed biss minn sbatax-il kampjun instab li fih batteriji taċ-ċelloli li jistgħu jkunu aċċessibbli faċilment mit-tfal mingħajr l-użu ta’ għodda. Dan imur kontra r-rekwiżit tas-sikurezza kif stabbilit f’EN62115. Apparti minn hekk, l-istess ġugarell instab li għandu livell eċċessiv ta’ Lead u Cadmium, u għalhekk mhuwiex konformi mad-Direttiva tar-ROHS.
Dan wassal biex id-Direttorat ħa l-prekawzjonijiet neċessarji biex dan il-prodott jitneħħa mis-suq lokali. Id-dettalji dwar dan il-ġugarell jinstabu hawn taħt:
‘Disney Frozen mobile phone’ bin-numru tal-mudell 668, immanifatturat fiċ-Ċina (irreferi għar-ritratt).
Dawk il-konsumaturi li għandhom fil-pussess tagħhom il-ġugarell imsemmi hawn fuq għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn inxtara. Il-konsumaturi huma avżati biex jivverifikaw li l-batteriji tal-ġugarelli maħsuba għat-tfal taħt it-3 snin, ma jkunux aċċessibbli mingħajr l-għajnuna ta’ għodda sakemm is-sigurtà tal-għatu tal-kompartiment tal-batterija ma tkunx adegwata. Kull nuqqas ta’ konformità misjub għandu jiġi rrapurtat lil din l-Awtorità.
F’każ ta’ mistoqsijiet jew għal aktar tagħrif, wieħed għandu jikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000, jew b’email fuq msd.mccaa@mccaa.org.mt, jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-MCCAA.
Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-Prosafe Joint Action ‘Electrical Toys’. Inizjattivi bħal dawn isiru bl-għan li tiżdied il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorvelljanza tas-suq fi ħdan l-istati membri Ewropej.