L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, qalet li l-Baġit jindirizza l-aspett soċjali tal-pajjiż b’diversi miżuri, fosthom tnaqqis fit-taxxa, is-sussidji dwar il-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali, żidiet lid-diversi kategoriji tal-pensjonijiet u benefiċċji soċjali, it-traffiku u l-immigrazzjoni.
Minbarra hekk qalet li l-baġit jagħti viżjoni ekonomika għas-snin li ġejjin, fejn l-għan ekonomiku tal-pajjiż m’għandux ikun li jiġi ġġenerat il-ġid biss, iżda li l-membri tas-soċjetà jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
L-istess fit-turiżmu, l-assoċjazzjoni qalet li d-diskors tal-baġit jimmira biex ikollna żieda fin-nefqa mit-turisti li jiġu jżuruna aktar milli volum akbar ta’ turisti li nattiraw, waqt li speċifikat li l-kwalità fuq il-kwantità tgħodd ukoll għal Għawdex, bil-karatteristiċi uniċi tiegħu li jridu jiġu ppriservati.
Minkejja dan, tenniet li seta’ kien hemm aktar miżuri li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex.