Hekk kif illum tibda t-tielet ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru fil-Montenegro, l-atleti Maltin s’issa irnexxilhom jiksbu xejn anqas minn 14-il midalja fosthom tnejn deheb fl-atletika permezz ta’ Jordan Gusman u Lisa Marie Bezzina, it-tnejn fil-5000 metru.
L-Għawm hija l-aktar dixxiplina li s’issa t-tim Malti kiseb midalji fiha, b’kollox disgħa; erbgħa fidda u ħamsa bronż. Harry Stacey rebħet fidda fil-100 metru freestyle filwaqt it-tim ta’ relay rebaħ fidda fil-4 x 100 metru u fil-4 x 200 metru. Alexandra Mcgonigle rebħet fidda fil-50 metru Breast Stroke. Fidda ukoll waslet fil-Judo permezz ta’ Jeremy Saywell fil-kategorija ta’ taħt is-66 kilograma.
Maya Azzopardi u Mikhail Umnov rebħu bronż fil-200 metru individwali u butterfly rispettivament. Umnov rebaħ bronż oħra fil-100 metru butterfly. Żewġ midalji bronż oħra fil-għawm waslu fir-relay tan-nisa u irġiel. Paula Grech fil-800 metru atletika u Ian Paul Grech fil-long jump spiċċaw fit-tielet post u għalhekk rebħu bronż kull wieħed.
L-atleti Maltin jerġgħu jkunu fl-azzjoni llum fejn apparti li jkomplu l-kompetizzjonijiet tal-atletika u l-għawm, jkollna ukoll l-kompetizzjonijiet tal-Basketball, Judo, Sparar, Table Tennis, Tennis u Beach Volley.