Il-belt Taljana ta’ Venezja, se tipprojbixxi l-loud speakers, u l-gruppi tat-turisti ta’ ‘l fuq minn 25 ruħ, sabiex tikkontrolla t-turiżmu u tnaqqas il-konfużjoni mill-belt.
Dawn ir-regoli ġodda se jidħlu fis-seħħ minn Ġunju, skont stqarrija li ħarġet mir-rappreżentanti tal-belt.
It-turiżmu eċċessiv huwa waħda mill-problemi ewlenin li tiffaċċja l-belt, li hija fost l-aktar popolari fl-Ewropa.
F’Settembru, il-belt approvat ukoll il-miżata ta’ €5 kuljum għal dawk kollha li jżuruha.
Minkejja d-daqs relattivament żgħir tal-belt, fl-2019, ospitat madwar 13-il miljun turist, skont ċifri maħruġa mill-Uffiċju tal-Istatistika Taljan.
Dan filwaqt li fis-snin li ġejjin, in-numri huma mistennija li jiżbqu n-numri ta’ qabel il-pandemija.
Aktar kmieni din is-sena, il-Unesco, qalet li din il-belt għandha titqiegħed fuq il-lista ta’ postijiet storiċi f’periklu, minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv li qed jolqtuha.
Fl-2021, ġew ipprojbiti wkoll vapuri tal-kruċiera milli jidħlu fil-belt, mill-kanal Giudecca, wara li vapur ħabat fl-istess port, kif ukoll minħabba t-tniġġis li jikkawża, u li jkompli jwassal għall-għargħar fil-belt Taljana.