Il-Mexxej Laburista għamel referenza għall-vot fil-Parlament dwar aktar protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika u stqarr li filwaqt li l-Grupp Parlamentari Laburista kien magħqud, ħaddieħor kien mifrud u kulħadd għal rasu.
L-Oppożizzjoni nqasmu mill-ġdid f’elf biċċa. Qalulna li hija kwistjoni ta’ “kuxjenza”. Jien nistaqsi x’ kuxjenza jista’ jkollok biex tivvota kontra liġi li tipproteġi lil vittmi ta’ vjolenza domestika. Kif tista’ qatt tiġġustifika vot bħal dan min-naħa ta’ Kap tal-Oppżizzjoni, qal Dr Muscat.
Tafu kontra x’ hiex ivvutaw? Ivvutaw kontra li jiżdiedu l-pieni kontra min isawwat lil martu. Ivvutaw kontra li jiddaħħal dritt ta’ protezzjoni temporanja f’ każijiet urġenti fejn il-vittma titlob protezzjoni. Ivvutaw kontra li jitwessgħu d-dmirijiet tal-Pulizija sabiex jipproteġu aħjar lill-vittmi tal-vjoljenża. Ivvutaw kontra li l-proċeduri legali kontra min iwettaq il-vjolenza biex dawn jinbdew ukoll mingħajr kwerela sabiex il-problema tal-vittma iżda vittma tas-soċjetà. Ivvutaw kontra li l-vittma tkun tista’ tixhed b’ teleconferenceminflok tattendi jekk dan ikun ta’ ħsarha għaliha. Ivvutaw kontra li l-Qorti tkun tista’ twaqqaf l-aċċess lil ulied lil min iwettaq il-vjolenza. Kontra dan kollu ivvutaw. X’ kuxjenza irid ikollok biex tivvota kontra l-vittmi?, staqsa l-Prim Ministru.
Joseph Muscat saħaq li agħar minn hekk qalu li se jreġġgħu lura din il-ligi, biex inaqqsu l-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika. Dakinhar ukoll se jagħti free vote, għaliex dakinhar ukoll ikun vot ta’ “kuxjenza”.
Dak huwa li jwassluk fih in-nuqqas ta’ konsistenza u qbil fuq prinċipji. Iwassluk bħal Oppożizzjoni f’ kuntradizzjoni wara l-oħra. M’hemm l-ebda skuża għal din il-pożizzjoni li ma tistax tiġi ġustifikata taħt l-ebda ċirkustanza, u li tikxef il-kunflitt ideolġiku intern fi ħdan l-Oppożizzjoni, li spiċċat maħkuma mill-element konservattiv u tal-lemin, tenna Joseph Muscat.
Mhux talli aħna qegħdin naħdmu għal bidla u ħaddiehor qed jirsisti għal status quo. Talli issa aħna qed immexxu biex nieħdu lil Malta għal Għada, ħaddiehor irid jreġġa’ l-pajjiż lura għal bieraħ. Id-differenza għalhekk se tkompli toħroġ aktar minn qatt qabel. Għalhekk dan il-Moviment se jibqa’ jkun aktar relevanti. Forza essenzjali u bżonnjuża biex inwettqu l-bidla li hemm bżonn, qal Joseph Muscat.
Il-Mexxej Laburista semma diversi istanżi tal-bidliet li għamel il-pajjiż, bidliet li wettaq il-Partit Laburista matul is-snin u semma aktar bidliet riċenti bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ekonomija u x-xogħol.
Jien nitlobkom biex inkomplu mexjin ‘il quddiem f’ dan il-vjaġġ. Il-ħeġġa li ħassejt din il-ġimgħa meta rajt żgħażagħ, waħda wara l-oħra, wieħed wara l-ieħor, telgħin jitkellmu biex jgħidulna mhux x’jiftakru dwar il-passat, iżda kif iridu jgħixu l-futur, din il-ħeġġa hija indeskrivibbli. Żgħażagħ li wħud minnhom tkellmu għall-ewwel darba, rajthom għall-ewwel darba, jgħidulna fejn jaraw li se jkunu jistgħu jaħdmu, x’ ambjent iridu jgħixu fih, li l-karozza elettrika tagħhom trid issir xi ħaġa ta’ kuljum u mhux eċċezzjoni, kif jaraw li l-Ugwaljanza għad fadlilha biex tinkiseb, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru sostna li f’għajnejhom kollha rajt l-għatx tal-bidla. L-istess għatx li wassal għal kisbiet storiċi għal pajjiżna. L-istess ħsieb li qed iwassalna biex nibdlu s-soċjetà tagħna bħalissa. Dan l-għatx tal-bidla jinsab fihom ukoll, anzi huma l-aktar ġenerazzjoni li qatt rajt li għandhom dan l-għatx għal bidla. Lil dawn iż-żgħażagħ ngħidilhom li dan huwa l-uniku Moviment fejn dak li joħolmu jistgħu jwettquh. L-uniku mod kif il-bidla f’pajjiżna saret, qed issir u tkompli sseħħ.
Kienu uċuħ, waqtiet, sentimenti, li kkonvinċewni aktar minn qatt qabel li dan il-Moviment b’passat kbir għandu futur akbar. Ikkonvinċewni li dak li qed inwettqu llum huwa biss il-bażi ta’ suċċessi ferm aqwa. Li dak li qed niksbu flimkien qed iħejjina għal Malta ta’ Għada, temm jgħid il-Prim Mnistru Joseph Muscat.