Grupp t’anzjani kellhom l-opportunità li jżuru l-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, b’rabta mal-Jum Dinji tal-Anzjani, li kien iċċelebrat fl-ewwel t’Ottubru.
Hawnhekk kellhom ċans jisimgħu stejjer li għexu l-ħitan tal-palazz, sa mill-bidu tiegħu lura fis-seklu sbatax.
Huma kellhom iċ-ċans jiltaqgħu wkoll mal-President ta’ Malta George Vella, u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ tnejn minn dawn l-anzjani, li wrew l-apprezzament tagħhom għal din l-opportunità li ngħataw.
Qalet, “Ħadt pjacir nisma’ u smajt ċertu affarijiet fuq il-bini ta’ dal-Palazz li qatt ma kont għadni ma smajt u kont għadni qatt ma rajt. Jekk ikolli ċ-ċans, nerġa’ niġi żgur.”
Qalet, “Ħadna ħafna gost għax hawn rikkezzi u affarijiet sbieħ. Jien għandi l-età allura kull darba li jġibuna nieħu gost niġi, però dejjem nara l-affarijiet ġodda, vera sabiħ.”
Il-President George Vella qal li ħa pjaċir jiltaqa’ mal-anzjani biex mhux biss jispjegalhom dwar il-Palazz, imma jisma’ wkoll il-ħsibijiet tagħhom.
Qal, “Tieħu gost tarahom hawnhekk għal żewġ affarijiet. Waħda għax dejjem nitkellmu fuq anzjanità attiva u dawn qed jagħmlu xi ħaġa, mhux qegħdin ma jiċċaqalqux id-dar, però fl-istess ħin importanti li hija interessanti fiha nnifisha għaliex l-iskop tagħhom kien li jżuru l-palazz, ikunu jafu fuq l-istorja tiegħu, jaraw x’hemm ġewwa.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela qal li attivitajiet bħal dawn ikomplu jsaħħu l-kuraġġ fl-anzjani biex ma jingħalqux ġod-dar iżda jgawdu kull minuta tal-ħajja u jinvolvu ruħhom f’attivitajiet soċjali u kulturali.
Qal, “Huwa importanti ħafna li l-anzjani tagħna, sewwa fil-komunitajiet kif ukoll fid-djar ta’ kura, inżommuhom intiżi mal-ħajja u l-attività fil-komunitajiet tagħna.”