Grupp ta’ 25 student mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni tal-Università ta’ Malta, se jattendu għat-tielet edizzjoni ta’ Archivisit, li huwa programm ta’ ġimgħa ta’ esperjenza hands-on f’Londra.
Il-Perit Mark Borg, li huwa l-fundatur ta’ Archivisit, spjega kif wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-attività, huwa li turi l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli.
“Noffru attivitajiet f’dak li huwa disinn strutturali, arkitettoniku, noffru wkoll il-project management bħala waħda mill-attivitajiet prinċipali f’dawn il-visits, però nagħtu importanza wkoll lill-iżvilupp sostenibbli. Hemmhekk ikollna opportunità li niltaqgħu ma’ studenti li kellna fil-fakultà u llum qed jipparteċipaw fl-industrija ġewwa Londra u jagħtu l-esperjenzi tagħhom lill-istudenti tagħna.”
David Debattista, li huwa student tal-arkitettura, qal kif din iż-żjara f’Londra se sservi ta’ opportunità għal studenti bħalu biex jesperjenzaw l-aħjar prattiċi fid-disinn tal-proġetti u teknoloġiji ġodda.
“Tipprovdi lill-istudenti b’aktar esperjenza prattika tax-xogħol kollu li jistudjaw b’mod fl-Università. Hija opportunità fejn nistgħu naraw u nistudjaw xogħol barrani ta’ kumpaniji kbar bħal ThorntonTomasetti, MAKE, Mizzi Studios u oħrajn.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun iffinanzjata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità Tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Il-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, faħħar din l-inizjattiva favur ħolqien ta’ proġetti sostenibbli.