Grupp ta’ studenti li ttestjaw pożittiv għall-COVID-19 se jħallu Malta waranosinhar fuq titjira medika lejn Franza.
Fi storja fuq il-faċċata tat-Times, ingħad kif l-ajruplan tat-tip Boeing 737 se jagħmel titjira chartered organizzata mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u se jkollu fuqu mija u tmienja u għoxrin persuna li se jkomplu l-kwarantina, jew jekk hemm bżonn jieħdu l-kura, f’pajjiżhom.
It-titjira se tkun operata mil-linja tal-ajru ASL Airlines France, li tispeċjalizza f’titjiriet mediċi u sanitarji.
Kelliem għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kkonferma li mal-mitejn student u studenta diġà ġew ripatrijati fuq żewġ titjiriet it-Tnejn u t-Tlieta. Dawn kollha ttestjaw negattivi għall-virus għalkemm kien hemm uħud li kien għad fadlilhom xi ġranet kwarantina.