Qatt smajt bil-ħsara li tagħmel lill-ambjent ġilda sintetika u magħmula mill-baqar?
Ġilda sintetika hi magħmula mill-fuwils fossili li ġej minn plastik mhux biodigradabbli u għalhekk jħalli impatt negattiv immens fuq l-ambjent.
Għal dan il-għan, grupp ta’ studenti Maltin ingħaqdu flimkien sabiex ħarġu bl-idea li joħolqu prodotti li huma ta’ bżonn għal kuljum fil-ħajja tagħna, bl-użu ta’ ġilda magħmula mill-kaktus.
ONE News ltaqa ma’ dawn l-istudenti u magħhom tkellem aktar dwar il-ħidma biex joħolqu alternattiva permezz tal-pjanta Opuntia ficus-indica.
“Aħna nafu dwar l-impatt ħażin li jħalli fl-ambjent ta’ madwarna l-ġilda komuni li nużaw ta’ kuljum … kemm dak li ġej mingħand l-annimali, anke dak sintetiku. B’hekk qbadna din ir-riżorsa li nisbu ħafna fin-nofsinhar tal-Ewropa, n-naħa t’isfel tal-Ewropa u trassformajniha fi prodott.”
Dan il-prodott innovattiv jaqa’ taħt il-kumpanija Opuntis … liema kumpanija hi mgħejjuna minn JA Malta bħala parti mil-programm ta’ JA Company programm. Programm immirat għal żgħażagħ li qed isegwu edukazzjoni post-sekondarja madwar Malta u Għawdex u jixtiequ li minn età żgħira jwaqffu l-kumpannija tagħhom li tiffunzjona bħal-kwalunkwe kumpanija oħra fis-suq lokali.
Opuntis hija ffukata biex tnaqqas id-dipendenza fuq prodotti magħmula mill-annimali u joffru alternattiva sostenibbli.
“Dejjem kellna l-kwistjoni ta’ x’jista’ jsir bil-pal tal-bajtar, apparti li fis-sajf nieklu l-frott li ġej minnha. Wara ftit riċerka li għamilna bħala tim sħiħ, Opuntis, bdejna nbiegħu prodotti magħmulin mill-ġilda tal-kaktus li jistgħu jservu bħala alternattiva għall-ġilda komuni li nużaw ta’ kuljum.”
Dawn l-prodotti jikkonsistu f’ keychains, pouches tal-muniti u kartiera fejn jista’ jinżamm il-passaport.
L-istudenti spjegawlna aktar fid-dettall l-ħidma wara d-disinni, taħt id-direzzjoni u l-gwida ta’ Captin’s Cut, workshop professjonali fejn tinħadem il-ġilda. Dan filwaqt li ddiskutew magħna numru ta’ trends li diġà nnutaw fosthom l-interess lejn, dawk li jissejjħu, earth colours fosthom l-kanella u l-aħdar bħala l-assoċjazzjoni mas-sostenibbiltà tal-prodott.
Markus, student ieħor parti minn Opuntis spjegalna dak li qed jieħu lura minn dan il-programm tal-JA.
“Ovvjament, esperjenza bħal din titgħallem ħafna minnha. Din hija l-ewwel darba li jiena kont f’dan it-tip ta’ xenarju u nħoss li qed nitgħallem ħafna. Naħdem f’tim, li jirnexxieli nasal sa ċerta punt li pereżempju li qed nagħmel din l-intervista miegħek bħalissa jew anke il-fatt li qed nagħmlu prodotti u qedin insolvu problema kif ukoll li ngħinu għas-sostenibbiltà.”
Wieħed jista’ jara jew jixtri dawn il-prodotti billi jżur il-midja soċjali ta’ Opuntis jew is-sit https://opuntis.com/
Apparti dan, Opuntis se tkun ukoll qed tbiegħ u tesebixxi l-prodotti tagħha fl-Open Day tal-Junior College nhar is-7 ta’ Marzu kif ukoll fil-JA Marketplace fil-Belt Valletta nhar il-15 ta’ Marzu. Dan flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji oħra li qed jipparteċipaw fl-istess programm.