Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia żar il-fabbrika Neriku Caterers f’Kordin fejn iltaqa’ ma’ grupp studenti u l-għalliema tagħhom illi bħalissa jinsabu impenjati jżejnu l-figolli.
Din hija inizjattiva li daħlet fil-kalendarju ta’ kull sena għall-Kulleġġ San Nikola ta’ Ħad-Dingli fejn permezz tal-bejgħ tal-figolli l-qliegħ imur kollu għal Puttinu Cares.
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lil kulħadd speċjalment lill-istudenti għaliex permezz tax-xogħol tagħhom din l-inizjattiva qed tikber kull sena.
Dr Farrugia fakkar illi din l-inizjattiva ser tgħin tfal bħalhom kif wkoll adulti li għandhom bżonn kura aktar speċjalizzata barra minn pajjiżna, fejn Puttinu Cares jgħin fl-akkomodazzjoni ta’ dawn il-pazjenti.
Bħal ma’ ġara fl-aħħar sentejn, il-Ministru Farrugia reġa’ fetaħ l-istedina b’mod uffiċjali biex l-istudenti jużaw l-intrata tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali l-Belt Valletta u jsir il-bejgħ tal-figolli minn hemm nhar l-Erbgħa 29 ta’ Marzu.
Ritratt: DOI