Grupp ta’ psikjatri, maħtura mill-Qorti, waslu għall-konklużjoni li Noel Azzopardi, li huwa mixli bil-qtil ta’ Eric Borg, li nqatel f’nhar l-ewwel tas-sena, fi Triq il-Fidloqqom, Rabat, ma kienx fi stat ta’ saħħa mentali biex jgħaddi ġuri, kawża ta’ intellett baxx u mard mentali serju.
Fil-Qorti, ppresedurta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, kien irriżulta li Azzopardi kien qatta’ tliet xhur fi sptar tal-moħħ, lura fl-2012, fejn ingħata trattament dwar imġieba agressiva.
Dan il-grupp ta’ Psikjstri kkonkluda li Azzopardi, kellu perjodi ta’ diżillużjoni li kellhom impatt qawwi fuq ħajtu u li ma jirriżultawx mill-użu tad-drogi, u b’hekk ma jinsabx fi stat mentali li jgħaddi ġuri.
Dan il-grupp inħatar wara li fil-Qorti, ġie diskuss l-istat mentali ta’ Azzopardi, sabiex jiġi stabbilit jekk huwa kienx fi stat ta’ ġenn meta seħħ il-każ, kif ukoll jekk huwiex fi stat li jgħaddi ġuri.
Minkejja dak misjub mill-Esperti, għadu jrid jiġi stabbilit jekk l-imputat hux se jgħaddi ġuri, hekk kif l-Avukat Ġenerali għandu żmien ta’ xahar biex jikkontesta id-deċiżjoni.
Huwa nżamm arrestat fl-Isptar Monte Carmeli.