Grupp ta’ Maltin li kienu New Zealand fl-aħħar jiem jinsabu qawwijin u sħaħ wara li żbroffa vulkan fil-gżira ‘White Island’ ilbieraħ. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malta kkonferma mal-Kummissjonijiet Għolja ta’ Canberra u New Zealand li l-Maltin kollha li bħalissa huma fil-pajjiż huma f’post sigur. Il-Ministeru qed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ din it-traġedja biex ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Il-Pulizija fi New Zealand qed tmexxi investigazzjoni kriminali b’rabta mat-traġedja, anke wara li l-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, qalet li hemm domandi kruċjali dwar id-dinamika tat-traġedja li għandhom bżonn risposta.
5 persuni huma kkonfermati mejta u 8 persuni oħra ġew irrapportati nieqsa, iżda l-Pulizija qalet li minn informazzjoni li rnexxielha tiġbor s’issa, jidher li m’hemm ebda sinjal ta’ ħajja.
34 persuna qed jingħataw il-kura fi sptar ewlieni fl-inħawi, b’uħud minnhom jiġu ċċertifikati li jinsabu f’qagħda kritika.
Ritratt: BBC News