Fl-aħħar ġimgħat grupp ta’ kriminali kienu qed jagħmlu transazzjonijiet mhux awtorizzati minn kontijiet bankarji ta’ persuni Maltin.
Dan wara li jkunu serqu dettalji tal-karti ta’ kreditu tan-nies meta jagħmlu użu tal-ATMs biex jiġbdu l-flus mill-bank.
L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla mit-taqsima tal-Frodi fi ħdan il-korp tal-Pulizija tkellem dwar dan il-fenomenu fejn qal “huwa fenomenu li ltqajna miegħu fit-2004, u jkollna qishu tlieta, erbgħa każijiet fis-sena. Dawn il-każijiet isiru qishom mill-barranin fejn rarissimu jkollna Maltin”
Id-dettalji meħudin minn fuq il-kard, li jkunu ġew rrekordjati bl-‘iskimmer’, jinħarqu fuq kard ġdida li tkun għadha vojta u għalhekk issir replika tal-kard oriġinali.
X’ ħin il-kriminal ikun ipproduċa l-kard, u jkollu f’ idu n-numru tal-PIN, dan imur jiġbed il-flus mill-ATM bil-konsegwenza li dawn jinġibdu mill-kont tal-klijent.
Dan jista’ jsir anke ġimgħat wara.
Fil-biċċa l-kbira l-moħħ wara dawn ir-reati huma Rumeni jew Bulgara, madankollu l-Pulizija bil-għajnuna tal-EUROPOL fil-maġġoranza tal-każi dejjem irnexxielha ssib l-għanqbuda.
L-Assistent Kummissarju appella wkoll dwar l-użu tal-magni tal-ATMs fejn sostna li jekk wieħed jinduna li kien hemm xi ħaġa mweħħla, għandu jieħu ħsieb u ma jużax l-ATM.
Fil-biċċa l-kbira, it-transazzjonijiet li jsiru wara li jinsterqu d-dettalji jkunu ta’ ħames mitt ewro, il-massimu li jista’ jinġibed minn ATM kuljum u din tkun ta’ darba biss.