Grupp ieħor ta’ persuni li waslu b’mod illegali f’pajjiżna ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Dan permezz ta’ operazzjoni ta’ ritorn li saret mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija.
Dawn l-immigranti huma minn barra l-Ewropa u waslu f’Malta irregolarment bil-baħar fl-aħħar sentejn.
Huma ġew ritornati wara li l-proċess tal-ażil iddeċieda li ma kienx ħaqqhom protezzjoni u ma kienx hemm riskji għalihom jekk dawn jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li l-proċess tar-ritorn mhuwiex faċli, speċjalment minħabba l-fatt li dawn l-immigranti waslu f’Malta mingħajr dokumenti.
Infatti analiżi tal-Qorti tal-Awdituri Ewropej li saret fl-2020 sabet li anqas minn 30% tal-immigranti irregolari minn barra l-Ewropa jiġu rritornati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-diffikultajiet żdiedu hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.
Intant fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern immexxi minnu huwa kommess li jipprevjeni l-wasliet ta’ immigranti irregolari, jaqsam il-piż ma’ pajjiżi Ewropej u jirritorna immigranti li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni.
Waqt żjara li għamel lill-iskorti li ħadu sehem f’din l-operazzjoni ta’ ritorn, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal kif pajjiżna qed jibgħat messaġġ ċar f’dan is-settur.
Huwa stqarr: “Pajjiżna qed jibgħat messaġġ illi min ma jikkwalifikax għall-protezzjoni għandu jintbagħat lura. Mhux proċess faċli, speċjalment waqt il-pandemija, iżda bis-saħħa tal-impenn tal-Korp tal-Pulizija, tas-suldati tagħna u diversi oqsma oħra fil-Ministeru tal-Intern, illum grupp ta’ persuni qed jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, wara li t-talba tagħhom ta’ protezzjoni falliet.”
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti f’dan is-settur.
Huwa sostna: “Bħala Gvern kommessi li nibqgħu ninvestu f’dan is-settur, anke kif ħabbarna fil-budget billi nwaqqfu r-Returns’ Unit li jkun speċjalizzat f’dawn l-oqsma.”
Wara xhur ta’ ħidma intensiva, numru ta’ immigranti irregolari ntbagħtu lura lejn pajjiżhom f’operazzjoni ta’ ritorn…
Posted by Robert Abela on Tuesday, January 12, 2021