Il-Ministeru għall-Ġustizzja stabbilixxa grupp ta’ ħidma għar-reviżjoni tal-kodiċi ċivili. Dan il-korp se jkun inkarigat biex jirrevedi l-liġijiet fi ħdan il-kodiċi ċivili u l-kodiċi tal-organizzazzjoni u l-proċedura ċivili.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li dan il-grupp ta’ ħidma se jkollu r-rwol li jistudja u jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar diversi aspetti marbutin mal-liġi ċivili ta’ pajjiżna.
Il-grupp ta’ ħidma, immexxi mill-Imħallef Emeritu Tonio Mallia, se jkollu diversi miri, fosthom li janalizza s-saħħiet, id-dgħufijiet u l-opportunitajiet fil-Kodiċi, waqt li jipproponi rakkomandazzjonijiet immirati li jżidu l-effiċjenza.
Minbarra hekk, għandu jidentifika u jindirizza inkonsistenzi bejn il-liġijiet li qed jevolvu u jipproponi proċeduri simplifikati biex jitnaqqas d-dewmin fil-proċeduri legali, fost l-oħrajn.