Mijiet ta’ ħaddiema mill-pjattaforma diġitali tas-servizz tal-ikel u tax-xiri, Bolt Food, ħarġu fuq strajk fi tmiem il-ġimgħa biex jipprotestaw il-prezzijiet baxxi li qalu qed jingħataw minn din il-pjattaforma għall-konsenji li jagħmlu madwar il-pajjiż.
F’dikjarazzjonijiet li għamlu, il-ħaddiema qalu li l-prezzijiet imħallsin mill-Bolt tnaqqsu fl-aħħar żmien u dan qed jaffettwaw l-għajxien tagħhom. Huma qalu li qabel kienu jitħallsu żewġ ewro għal kull konsenja li kienet issir matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa kienet titla’ sa erba’ ewro u nofs.
Minkejja dan, fl-aħħar żmien ir-rata ġiet waħda fissa għall-ġimgħa kollha, biex spiċċaw tilfu mid-dħul tagħhom.
Fl-istess ħin ingħad li, minkejja l-ilmenti li qed jagħmlu, mhux jingħataw widen mill-kumpanija Bolt Food.
Ingħad li l-istrajk affettwa s-servizz mitlub minn konsumaturi, b’ċerti ordnijiet li waslu aktar tard minn dak skedat jew ma setgħux isiru minħabba d-domanda kbira kif mistenni fi tmiem il-ġimgħa.
F’risposta għal dan, Bolt Malta qalet li, waqt li tirrispetta l-aġir li grupp żgħir ta’ ħaddiema jipprotestaw, fakkret li fl-aħħar xhur il-kumpanija żiedet l-ammont ta’ sigħat li dawn il-ħaddiema qed jaħdmu.
Huma temmew jgħidu li l-kumpanija Bolt taħdem ma’ kumpaniji oħrajn li joffru servizz tad-deliveries u huma dawn il-kumpaniji responsabbli mill-ħlas dovut lill-ħaddiema, u mhux Bolt innifisha.
Fuq il-pjattaforma soċjali Facebook, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, pubblikament ta l-appoġġ tiegħu lill-ħaddiema li qed isemmgħu leħinhom fuq il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom, filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema biex jissieħbu f’unjin u biex ifittxu l-bieb tal-Ministeru ħalli tingħatalhom kull għajnuna neċessarja.
https://www.facebook.com/share/p/zitPwjvUe4kYCDcr