Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) fl-ewwel Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar Malta, laqa’ l-miżura mill-Gvern Malti dwar l-estensjoni tal-linja telefonika 179.
Linja telefonika li tagħti għajnuna nazzjonali biex tindirizza sejħiet minn vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika.
Fil-fatt stqarrija mill-Gvern innutat li din l-inizjattiva partikolari tantiċipa l-inizjattiva tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill biex l-Unjoni Ewropea tipprovdi linja ta’ għajnuna għal dawn il-vittmi.
Fir-rapport tagħha l-Grevio nnutat ukoll miżuri oħra bħal dik tat-tisħiħ tas-servizz legali speċjalizzat għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, li ġiet imsaħħa u diversi sħubijiet soċjali pubbliċi, fejn għaqdiet mhux governattivi jistgħu jutlizzaw servizzi pubbliċi biex jagħtu servizz lill-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru jew dik domestika.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis Lewis laqa’ r-rakkomandazzjonijiet u l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jikkumbattu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Minn naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar tenniet bil-qawwa li, filwaqt li fil-maġġoranza tal-każijiet il-vittmi huma nisa, huwa importanti li ma ninsewx illi l-irġiel wkoll jistgħu jkunu vittmi ta’ dan ir-reat.