Membri tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza, imwaqqaf mid-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni Ewropea (DG REFORM), żaru l-Public Service Expo24 li qiegħda ssir fl-MFCC f’Ta’ Qali. Huma kellhom iċ-ċans jaraw fil-prattika l-progress miksub mill-amministrazzjoni pubblika f’pajjiżna. Huma wrew sodisfazzjon bis-suċċess tal-amministrazzjoni pubblika f’pajjiżna u se jieħdu lura lejn pajjiżhom diversi esperjenzi ta’ prattiċi tajba.
Id-delegazzjoni tmexxiet mid-Direttur Ġenerali Mario Nava. Il-Grupp ta’ Esperti jiltaqa’ b’mod regolari u din il-ġimgħa qiegħed jiltaqa’ f’Malta. Il-membri qed jaqsmu bejniethom prattiċi tajba li jkomplu jgħinu fl-amministrazzjoni pubblika. It-temi ta’ din il-laqgħa koprew id-disinn ta’ proċessi interni u esterni fosthom ta’ diġitalizzazzjoni, il-ħiliet ta’ uffiċjali pubbliċi fosthom ħiliet ta’ tmexxija, ta’ implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ data u ta’ inizjattivi oħrajn.
Il-Grupp ta’ Esperti huwa pjattaforma biex jiffaċilita d-djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-qasam tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza. L-għan huwa li jiġu identifikati sfidi komuni għall-amministrazzjoni pubblika u approċċi innovattivi biex jiġu indirizzati. Din il-pjattaforma għal djalogu miftuħ tippermetti lill-Kummissjoni toħloq sinerġiji u tfassal l-istrumenti ta’ appoġġ tagħha skont il-ħtiġijiet u l-isfidi tal-Istati Membri.
Huma ġew milqugħa fil-Public Service Expo24 mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u ttieħed ritratt uffiċjali tal-okkażjoni.