Fl-aħħar jiem eks plejers u stilel tat-tim famuż tal-futbol Manchester United kienu fostna fejn ma naqsux milli jgawdu s-sbuħija u t-temp ideali ta’ Malta.
Ritratt fuq il-midja soċjali, li kompla jxerrdu ġurnalist Ingliż, juri l-grupp ta’ eks plejers tal-klabb fit-Tramuntana tal-Ingilterra jgawdu ħafna affarijiet li f’pajjiżhom m’għandhomx, is-sbuħija tal-ibħra Maltin u anke l-ġmiel li toffri l-gżira ta’ Kemmuna, fost ħafna oħrajn.
Fost dawn il-plejers kien hemm Ronny Johnsen u David May, li kienu parti mill-iskwadra li rebħet it-treble fl-1999, taħt it-tmexxija tal-kowċ leġġendarju Sir Alex Ferguson.
Dan il-grupp ta’ eks plejers tar-Red Devils ġew f’pajjiżna fl-okkażjoni tal-ħamsa u sittin anniversarju mit-twaqqif tal-klabb tas-sapporters Maltin ta’ Manchester United, li kien l-ewwel wieħed fid-dinja.
Hawnhekk saret logħba ta’ ħbiberija bejn l-eks plejers ta’ Manchester United u plejers veterani Maltin.
F’din il-logħba, li ntlagħbet fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali fl-aħħar jiem, lagħbu, fost l-oħrajn, eks plejers tat-tim nazzjonali Malti. Il-logħba spiċċat b’rebħa għall-Maltin bl-iskor ta’ erbgħa b’xejn.
F’din il-partita lagħab ukoll l-eks difensur ta’ Manchester United, l-Olandiż, Jaap Stam, li wkoll kien parti integrali mit-tim tar-Red Devils, meta dan it-tim rebaħ it-treble fl-ogħla kampjonat Ingliż fl-aħħar tas-seklu għoxrin.