Ħamest ibniet u tifel ingħataw il-ħelsien mill-arrest, wara li tressqu l-Qorti mixlija li kkawżaw ġrieħi permezz ta’ sikkina u li serqu żagħżugħ ta’ 16-il sena fi Ġnien Pubbliku fil-Furjana.
Il-grupp ta’ żgħażagħ, li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u l-20 sena, ġew identifikati bħala l-allegati aggressuri. L-allegat każ seħħ nhar is-Sibt filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa.
Kienu l-Pulizija mill-Għassa tal-Belt Valletta, li sabu lill-vittma mixħut mal-art, bi ġrieħi viżibbli fuq wiċċu u fuq idejh. Hu ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn tim mediku kkonferma li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.
Rapporti fil-midja, stqarrew li l-vittma hu eks sieħeb ta’ ħabiba ta’ wieħed mill-akkużati. Intqal ukoll, li dan ġie wkoll misruq xi €90.
Fil-Qorti, ġiet aċċettata t-talba għall-ħelsien mill-arrest biex iż-żagħżagħ ikomplu bl-istudji tagħhom. Dan, iżda, b’garanzija personali ta’ €2,000 u b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jersqux lejn il-vittma.