ONE News jista’ jiżvela kif il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ l-Erbgħa filgħaxija kien maqsum.
Matulu spikka wkoll is-silenzju tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario Demarco.
Il-grupp parlamentari ddiskuta l-għaqda tal-Partit Nazzjonalista mal-Partit Demokratiku u fost dawk li tkellmu kontra l-għaqda ma’ Marlene Farrugia kien hemm fost l-iktar membri parlamentari b’saħħithom.
Kif żvelat fuq one.com.mt kien hemm ukoll membri prominenti tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista baqgħu barra minn din il-laqgħa tal-grupp li saret l-Erbgħa filgħaxija. ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li fost dawn kien hemm Claudio Grech u Marthese Portelli. It-tnejn li huma kienu fil-bini tal-Parlament fejn kienet qed issir il-laqgħa tal-Grupp iżda għal xi raġuni ma daħlux għal-laqgħa. Fost deputati li m’attendewx kien hemm ukoll min qal li mhux lest jieħu sehem f’laqgħa dwar suġġett fejn kollox kien deċiż minn wara darhom.
Fost dawk li tkellmu kontra il-ftehim kif imħabbar minn Marlene Farrugia kien hemm deputati nazzjonalisti ta’ esperjenza bħal-eks Ministri Tonio Fenech, Carm Mifsud Bonnici, Ċensu Galea u Paula Mifsud Bonnici. Erba’ deputati bi tradizzjoni twila fil-Partit Nazzjonalista u li fil-grupp parlamentari tkellmu dwar is-saħħa u l-unur tal-partit li jagħmlu parti minnu.
Minn naħa l-oħra tkellmu favur il-proposta tal-Kap kif diġa’ mħabbra minn Marlene Farrugia, Robert Arrigo u David Agius. Robert Arrigo kien fost dawk li l-iktar qalu li l-Kap għandu jkun appoġġjat. U filwaqt li kien għaddej dan kollu il-Viċi-Kap Mario De Marco baqa’ fommu mitbuq. Biex il-Kap ma setax iserraħ fuq l-appoġġ tan-numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi ta’ One News qalu li l-atmosfera fil-grupp kienet waħda fejn filwaqt li rrenja n-nuqqas ta’ qbil fost ħafna nħass li din hi xi ħaġa li qed jagħmel il-Kap u jekk irid jerfaħa hu. Għalkemm min kellu juri li ma jridx ikun parti minnha għamel dan b’mod ċar.
Din id-diskussjoni saret wara li fl-aħħar jiem il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u d-Deputat Mexxej tagħha, Anthony Buttigieg, ħarġu dettalji li sakemm lissnuhom huma kienu qed jinżammu mistura mill-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.
L-aħbarijiet li l-kandidati tal-Partit Demokratiku se jkunu fuq l-istess lista tal-Partit Nazzjonalista u li se jkun hemm l-istess manifest nislu rabja kbira fil-grupp parlamentari nazzjonalista li saru jafu bid-dettalji mill-midja.
L-istess rabja kienet espressa fi strutturi oħra u fuq l-aġenda tal-grupp parlamentari tpoġġiet din id-diskussjoni bit-tama li d-deputati jikkalmaw u jkunu huma li meta fil-jiem li ġejjin ikunu fil-każini jitħalltu mal-kumitati sezzjonali jikkalmaw l-affarijiet. Kienu l-gazzetti tal-Ħadd li żvelaw li l-grupp ma kienx ikkonsultat u li dan qajjem rebus fil-Partit Nazzjonalista.
Minn dakinhar ma kien hemm ebda ċaħda dwar dan il-fatt, bl-uniċi dikjarazzjonijiet li saru kienu dawk li l-grupp kien jaf li għaddejin id-diskussjonijiet u Simon Busuttil jgħid li l-ftehim mhux iffinalizzat anke jekk Farrugia u Buttigieg tkellmu dwar dak li kien deskritt mit-Times of Malta bħala done deal.
Done Deal li minn dak li seħħ fil-grupp parlamentari tal-Erbgħa xejn ma niżel tajjeb.