Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif huwa grazzi għal grupp magħqud li dejjem iħares ‘il quddiem li pajjiżna jista’ igawdi mis-suċċess li kompla jikseb fl-aħħar jiem.
Huwa fisser dan f’attività politika fiċ-Ċentru Laburista fl-Imsida fejn fost oħrajn semma l-kisbiet li għamel pajjiżna fl-aħħar jiem: “Din hija ħidma ta’ Gvern. Hija ħidma ta’ grupp ta’ nies maqgħudin flimkien”.
L-iktar riċenti fosthom kienet l-inawgurazzjoni tal-Mużew Nazzjonali ġdid tal-Arti f’Malta, il-MUŻA. Hawnhekk fisser kif dan il-mużew il-ġdid ser jingħaqad ma’ waħda mill-miżuri fil-baġit li tfal akkumpanjati ma’ żewġ adulti jistgħu jidħlu f’kull mużew f’Malta bla ħlas:
“Mis-sena d-dieħla dawn il-postijiet se jkunu il-ġranet kollha b’xejn għat-tfal tagħna u għal kull min imur mat-tfal tagħna”.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-andament ekonomiku pożittiv li qed jibqa’ jikseb pajjiżna u li grazzi għalih issa pajjiżna qed ikollu pjattaformi globali biex kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jesponu xogħlhom.
Dan wara li l-ġimgħa l-oħra pajjiżna kien wieħed minn 12-il pajjiż minn madwar id-dinja li kien mistieden għall-espożizzjoni tal-kummerċ u l-innovazzjoni f’Shanghai fiċ-Ċina:
“Din hija sitwazzjoni li aħna irridu nisfruttaw kemm jista’ jkun b’mod għaqli li dawn il-bibien jinfetħulna meta pajjiżi oħra jittalbu. Jittalbu biex ikollhom aċċess għal dik li hija t-tieni l-ikbar ekonomija tad-dinja”.
Il-Prim Ministru esprima s-sodissfazzjon tiegħu wkoll għat-tbassir riċenti mill-Kummisjoni Ewropea għall-ħarifa tas-sena d-dieħla, fejn qal li minkejja fl-aħħar sitt snin Malta dejjem klassifikat minn ta’ quddiem, din is-sena kien hemm differenza:
“Kemm nieħu pjaċir li nara lill-Ewropa tgħid lid-dinja kollha li s-sena d-dieħla l-iktar ekonomija li ħa timxi ‘l quddiem fl-Ewropa kollha hija dik taċ-ċkejkna Malta”.
Ma naqasx milli jsemmi wkoll l-aħħar teknoloġija li ġiet inawgurata fil-qasam tal-kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei b’nefqa ta’ madwar miljun ewro mill-fond għaċ-ċittadinanza b’investiment:
“Dan l-apparat, ħbieb tiegħi, huwa l-aqwa apparat tad-dinja li qed biex jintuża b’xejn mill-Maltin u l-Għawdxin fl-isptar tagħna”.
Huwa temm jinnota kif ġurnal indipendenti fl-Amerika li jispeċifika fil-qasam mediku, klassifika lil Malta bid-disa’ l-aqwa sistema ta’ saħħa minn madwar id-dinja kollha. Dan filwaqt li qal li s-sena d-dieħla l-investiment teknoloġiku f’dan il-qasam se jkompli jiżdied.