Il-grupp parlamentari tal-Partit Laburista qed iħejji biex meta jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament ikun jista’ jressaq ’il quddiem numru ta’ bidliet oħra għall-ġid tal-pajjiż.
Wara li l-ewwel sena tal-leġiżlatura kienet waħda b’għadd kbir ta’ riformi, iż-żmien li ġej mhux se jkun differenti.
F’kummenti mal-gazzetta KullĦadd il-Whip tal-grupp parlamentari Laburista, Byron Camilleri, saħaq li kull bidla tkun diskussa fil-fond fost il-grupp parlamentari tal-Partit Laburista. Dan f’laqgħat li huma spissi u li jħallu ħafna frott.
“Għandna atmosfera mill-isbaħ li twassal għal diskussjonijiet mill-iktar miftuħa li r-riżultat tagħhom ikun li dak li jkun qed jiġi propost jittejjeb iktar u iktar minn hekk meta nitilgħu fil-Parlament nitilgħu hemm bħala grupp parlamentari wieħed,” żied il-Whip tal-grupp parlamentari. Fisser kif hekk kif il-Gvern daħal fit-tieni sena tal-leġiżlatura tiegħu l-għatx tal-grupp parlamentari Laburista biex jinkiseb iktar ma naqas xejn u fakkar kif fost oħrajn bdew it-tħejjijiet biex ikun imressaq il-baġit għas-sena d-dieħla li mistenni jinqara fit-22 ta’ Ottubru.
Fil-fatt l-għaqda fil-gruppi parlamentari hija xi ħaġa li llum saret tiddistingwi iktar minn qatt qabel il-partiti politiċi. Tant li sal-aħħar sigħat kien hemm rapporti dwar dan fil-midja bl-Ingliż.
Mal-ġurnal The Times intqal li d-deputati qed iħossuhom frustrati bis-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u n-nuqqas ta’ ħeġġa tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Dan fid-dawl tal-fatt li l-grupp parlamentari Nazzjonalista mhux jiltaqa’ b’mod regolari.
Fil-fatt l-aħħar laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista saret f’Ġunju li għadda, minkejja li l-Parlament kien għadu jiltaqa’ f’Lulju.
Deputat Nazzjonalista li tkellem ma’ The Times bil-kundizzjoni tal-anonimità qal – “The parliamentary group is in a state of disarry. While it is normal that things slow down in August, lets not forget that Parliament was still in session up until July.”
L-istess Deputat Nazzjonalista qal li mingħajr laqgħat tal-grupp parlamentari, deputati Nazzjonalisti jispiċċaw jirrikorru għal mezzi oħra biex jesprimu t-tħassib u l-opinjoni tagħhom fuq ċerti temi.
Deputat Nazzjonalista ieħor qal li huwa diżunur li Adrian Delia ma laqqax il-grupp parlamentari meta ried ikeċċi lill-Kap preċedenti Simon Busuttil dwar l-inkjesta Egrant. Deċiżjoni li falla minnha.
Dan in-nuqqas wassal sabiex għadd ta’ deputati jirrikorru fuq Facebook u jiktbu messaġġi ta’ solidarjetà lejn Simon Busuttil.
“Everyone is working as individual,” qal deputat Nazzjonalista ieħor lit-Times of Malta, fejn spjega kif deċiżjonijiet dwar policies qegħdin jittieħdu fuq livell eżekuttiv u amministrattiv.
L-stess Deputat Nazzjonalista qal li ladarba fis-sajf l-affarijiet jikkwitaw xi ftit kien jistenna li jkun hemm laqgħat tal-grupp parlamentari b’mod frekwenti.
Iżda dan id-deputat qal li għandu l-impressjoni li laqgħat tal-grupp parlamentari mhumiex isiru minħabba li hemm deputati nazzjonalisti jopponu t-tmexxija ta’ Delia.
F’intervista li kellu fuq Times Talk din il-ġimgħa, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mera l-fatt li l-grupp parlamentari mhux jiltaqa’. Fil-fatt akkuża deputati tiegħu b’intenzjonijiet ħżiena.
“Those sources are giving you incorrect information – I would be very happy to meet those sources. If they are mps they are mps who have intents which are not good intents,” qal Delia.