Il-firda bejn il-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista hi evidenti sew. Dan ħareġ minn kitbiet differenti li saru fi grupp fuq Facebook għal partitarji Nazzjonalisti, bl-isem ta’ “Partit Nazzjonalista Magħqudin”.
Partitarji Nazzjonalisti stess bagħtu screenshots lil ONE News minn dan il-grupp magħluq, wara li, il-Ħadd li għadda, ħaten Beppe Fenech Adami u esponent tal-għaqda Repubblika, Kevin Cassar, sejjaħ lid-Deputat Għawdxi Alex Borg bħala Żiemel ta’ Trojja.
Dan kompla jwessa’ u jesponi l-ġerħa kbira bejn il-fazzjonijiet interni fil-Partit Nazzjonalista.
Mill-kummenti esposti fil-grupp ta’ Facebook, wieħed isib Nazzjonalist li sostna kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech m’għandu jħalli qatt lil xi deputat waħdu, kif ġara fil-każ ta’ Alex Borg. Tenna li, bħala partitarji, qed jistennew li l-Partit jieħu pożizzjoni ċara. Sostna wkoll kif “charity begins at home.”
Partitarju ieħor, magħruf li hu mill-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia, poġġa ritratt ta’ Kevin Cassar u qal “tħallux nies bħal dan u l-klikka tiegħu jagħmlu ħsara”, b’turija ċara tal-qasma li teżisti fil-Partit ta’ Bernard Grech.
Għal din il-kitba, ikkummentat partitarja li qalet li l-veru Żiemel ta’ Trojja huma dawk kollha li qaċċtu lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista u anke lil min qed jagħmel il-ħsara lid-Deputat Alex Borg u lil dawk li għamlu ħsara lill-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo. B’din qalet ukoll li l-fazzjoni estremista ma taħfirilhom qatt.
Kien hemm numru ta’ kummenti, li komplew jitkellmu dwar din il-firda. Partitarju Nazzjonalista qal li saret diffiċli li l-partit jerġa’ jingħaqad, għax tal-fazzjoni estremista “għandhom wisq velenu f’ilsienhom u żergħu aktar f’ilsien il-partitarji li għandhom jappoġġjawhom”.
Ieħor qal b’ironija li l-Partit Nazzjonalista magħqud qisu s-super glue, waqt li partitarja oħra qalet biex lil Kevin Cassar iqabbżuh ’il barra mill-Partit.
Partitarja oħra kitbet lil Kevin Cassar dirett biex idabbar mill-Partit Nazzjonalista u jħalli lill-membri tal-Oppożizzjoni bi kwiethom. Kompliet tgħid li hu kien Żiemel ta’ Trojja ftit tas-snin ilu, b’referenza għal meta ħadem biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap.
Din l-istess partitarja qalet li kulħadd jaf x’konnessjonijiet diretti għandu mal-Partit Nazzjonalista, minħabba l-fatt li hu ħaten Beppe Fenech Adami.
Sostniet li Cassar kif ukoll il-klikka li tappoġġjah, jiġifieri l-klikka tal-establishment, qażżu lil kulħadd. Qalet li hi diżġustata mmens għall-fatt li ftit deputati wrew solidarjetà ma’ Alex Borg.
Hawn semmiet lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li malajr qabeż jiġri għal Karol Aquilina. B’din l-istess partitarja qalet li, fl-opinjoni tagħha, ma kienx hemm lok għalxiex wieħed jaqbeż għal Aquilina għax “fil-verità żbalja.”
Kien hemm numru ta’ kummenti oħrajn li saru wara l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jaħraq tat-Tnejn filgħaxija.
B’partitarju jappella biex Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Claudette Buttigieg, ilkoll mill-fazzjoni estremista, għandhom jitilqu wkoll mill-Partit.
Partitarju Nazzjonalist ieħor qal li l-fazzjoni estremista hi dik ta’ Żiemel ta’ Trojja.
Dawn il-kummenti huma prova ċara li fil-Partit Nazzjonalista għad hemm il-firda b’diversi fazzjonijiet differenti u li wasslu biex tqaċċat Kap Nazzjonalista u, floku, tpoġġa dak preżenti, Bernard Grech.