Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li iktar kmieni llum grupp ieħor ta’ immigranti li ddaħħlu Malta fuq il-bastiment MV Lifeline, ħalla Malta għall-Irlanda.
L-immigranti kienu akkumpanjati mill-Aġenzija tal-UN dwar il-Immigrazzjoni.
L-MV Lifeline iddaħħal Malta f’Ġunju li għadda b’ 230 passiġġier abbord, li qed jitqassmu bejn tmien Stati Membri Ewropej wara li ġew eżaminati u ngħataw iċ-ċans japplikaw għall-ażil. It-tmien pajjiżi li kkonfermaw li ser jieħdu numru ta’ individwi huma: Malta, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Italja, u l-Portugall. Minn dawn, pajjiż wieħed biss ma żammx mal-obbligu tiegħu li jieħu l-immigranti.
L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, il-UNHCR, laqgħet bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Gvern Malti.
Iktar tard, fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li ż-żewġ gruppi li ħallew Malta din il-Ġimgħa lejn il-Belġju u l-Irlanda rispettivament, kienu rilokati b’suċċess. Dan ifisser li seba’ Stati Membri Ewropej inkluż in-Norveġja, irrispettaw l-impenn tagħhom fil-ftehim ad hoc li mexxiet Malta. Stat Membru wieħed biss għadu ma wettaqx dak li wiegħed.
#Lifeline #migrants this morning left for #Ireland accompanied by @UNmigration staff. All countries, bar one, have kept their pledges -JM pic.twitter.com/TezYhzyyAD
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) August 29, 2018