Fil-jiem li ġejjin grupp ieħor ta’ immigranti mistennija jħallu Malta lejn in-Norveġja wara li l-proċess mal-awtoritajiet Norveġiżi kważi wasal biex jintemm.
Fl-aħħar ġimgħat għexieren ta’ immigranti li daħlu f’Malta abbord l-MV Lifeline, ħallew pajjiżna lejn Franza, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Portugall.
L-Italja, il-Belġju u l-Irlanda diġà kkommettew ruħhom li jipparteċipaw f’dan il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li ntlaħaq ftehim dwaru biex għadd ta’ pajjiżi ewropej jieħdu bejniethom iktar minn 230 immigrant li daħlu abbord l-MV Lifeline.
Intant, ebda żblokk dwar is-sitwazzjoni tad-dgħajsa bl-immigranti li ġiet interċettata l-Ħamis filgħaxija mil-Gwardja tal-Kosta Taljana fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ Maltija.
One.com.mt jinsab informat li d-dgħajsa għadha qed tinsisti li tibqa’ tbaħħar lejn il-gżira ta’ Lampedusa. Bħalissa l-immigranti jinsabu abbord patrol boat Taljana qrib il-Port ta’ Lampedusa jistennew struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani biex jidħlu Lampedusa jew port ieħor fl-Italja.
Il-Gvern Malti qal li l-immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati u f’każ li l-awtoritajiet Taljani jqisu dan bħala każ ta’ tiftix u salvataġġ, l-eqreb port sigur skont il-konvenzjonijiet jibqa’ dak ta’ Lampedusa.