Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-privat u anke organizzazzjoni volontarja, ġiet inawgurata faċilità fil-Qrendi li jistgħu jagħmlu użu minnha tfal li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Fil-fatt, ġie spjegat kif dak li xi darba kien ground mitluq fil-Qrendi, issa se jinbidel fi proġett li permezz tiegħu se jkun qed isir ħafna ġid.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu se jkunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ bla ħlas kull ġimgħa u jagħmlu użu minn apparat sensorjali għall-bżonnijiet tagħhom.
“Dan huwa wieħed mill-ewwel proġetti li aħna qed invaraw biex naraw lil tfal u żgħażagħ fl-ispettru tal-awtiżmu jkollhom post fejn ikun safe għalihom fejn huma jipprattikaw dixxiplini differenti sportivi.”
Intant, dwar il-benefiċċji ta’ proġett ta’ dan it-tip, tkellem ma’ ONE News is-Sur Omar Farrugia, mill-Assoċċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal bl-Awtiżmu.
“Jgħinhom jikbru. Jgħinhom jikbru fil-ħajja tal-isport u jtihom challenge biex jirbħu miri aktar għolja. It-tieni ħaġa għalina li huwa importanti tajjeb ħafna huwa li huma qed jeżerċitaw l-enerġija li għandhom f’xi ħaġa li jistgħu jieħdu xi ħaġa sodisfaċenti lura minnha.”
Dan il-proġett se jkun ukoll ta’ benefiċċju għall-komunità tal-Qrendi u tal-madwar. Darba fil-ġimgħa, ir-residenti u l-anzjani tal-Qrendi u tal-akkwati se jkollhom il-fakultà li jagħmlu użu bla ħlas mill-faċilità.
“Ħa jkun post fejn it-tfal flimkien mal-familji tagħhom ħa jkollhom aċċess biex jittrenjaw u jiżvugaw u ħa jibbenefikaw fiżikament u kif ukoll mentalment.”