“Dawn ir-regolamenti se jtuna serħan il-moħħ fix-xogħol tagħna bħala groomers.”
Dan kien is-sentiment li esprimiet magħna Koren Scicluna li fil-ħajja tagħha ta’ kuljum taħdem bħala groomer tal-annimali. Dan b’reazzjoni għal regolamenti ġodda li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ fix-xahrejn li ġejjin li se jkunu qed jirregolaw b’mod sħiħ is-settur tal-ħarsien tal-annimali, b’mod partikolari lill-groomers, boarders u pet sitters.
Mistoqsija minn ONE News dwar xi jfissru għal negozji bħal tagħha, dawn ir-regolamenti, Koren spjegat kif min hu serju mhux ser tagħmillu differenza ħlief li joffru aktar serħan il-moħħ.
Qalet, “Iġġiblek ftit serħan tal-moħħ u ftit pride, li fl-aħħar hija professjoni mhux wieħed just jiddeċiedi li jsir groomer u daqshekk.”
Spjegat kif dawk li diġà jagħmlu dan ix-xogħol, u huma serji fil-ħidma tagħhom, ma kellhomx għalfejn jinkwetaw hekk kif ir-regolamenti li deħlin diġà huma integrali fil-ħidma tagħhom fosthom kameras tas-CCTV, fost oħrajn.
Stqarret, “Konna ilna nistennewhom. Il-fatt li qabel meta tgħid li inti groomer qisha qas kienet professjoni hawn Malta għax kulħadd seta’ jixtri magna u jsir groomer. Għalina dawn li ntalbu fil-verità mhu se nibdlu xejn bħal CCTV. Għall-groomers bħalna u għandi ħbieb, min hu serju, mhu se jibdel xejn għax fil-verita kollox hu in-force.”
Scicluna spjegat kif dawn ir-regolamenti jfissru wkoll serħan il-moħħ għas-sidien tal-annimali li jagħmlu użu mis-servizz tagħhom. Dan hekk kif meta wieħed jagħżel li jmur għand groomer, jista’ jassigura ruħu li issa huwa rreġistrat u konformi ma’ dawn ir-regolamenti.
Sostniet kif huwa importanti li l-istess sidien jikkoperaw mal-groomers.
Qal, “Min ma jkollux x’jaħbi, nieħdu pjaċir anke meta sid l-annimal jibqa’. L-unika ħaġa li nitolbu hi li jekk ngħidulkom ma titkellmux, jew tistaħbilu lill-kelb. Iżda nieħdu gost ħafna li tibqa’ mal-kelb għax fl-aħħar mill-aħħar tkun qed tara l-proċess kollu.”
Hi temmet tgħid li dawn ir-regolamenti jagħrfu l-ħidma sfieqa ta’ dawn fis-settur li għal snin twal imxew b’reqqa u responsabbiltà.