Il-qorti sabet biżżejjed provi biex takkuża lil Joseph Rodney Grima, l-Għawdxi ta’ tlieta u għoxrin sena li nhar it-Tlieta inqabad fid-dwana jipprova jdaħħal ħmistax-il kilo kokaina, bi traffikar tad-droga.
Dan wara li ż-żewġ uffiċjali ta’ dwana, li assistew lill-uffiċjali tax-xena tar-reat jsibu 36 pakkett ta’ kokaina fit-tank tal-petrol tal-Mercedes ta’ Grima taw ix-xhieda tagħhom.
L-uffiċjali xhedu kif użaw apparat li jaħdem bil-fibre optics biex jeżeminaw il-karozza u li meta qalgħu is-seats ta’ wara tal-karozza sabu kaxxi tad-diesel, li ġo fihom inżammu l-pakketti tad-droga.
Grima inżamm taħt arrest wara li tneħħitlu l-libertà provizjorja riżultat ta’ appell tal-Avukat Ġenerali minn deċiżjoni xort’ oħra tal-Qorti tal-Maġistrati.
L-avukat ta’ Grima saħaq li peress li x-xhieda tal-uffiċjali ngħatat, ma kienx hemm possibilità ta’ tbabis tal-evidenza, għalhekk l-akkużat kellu jingħata kundizzjonijiet inqas iebsa.
Madanakollu l-ispettur tal-prosekuzzjoni Jonathan Cassar qal li l-każ għadu fi stadju preliminari u li eventwalment jista jinvolvi x-xhieda t’iktar nies għaldaqstant talab li Grima jinżamm taħt arrest.
Talba li ntlaqgħet mill-Maġistrat Neville Camilleri.