- Trakk isuq fuq il-folla waqt iċ-ċelebrazzjonijiet f’Jum Bastilja, f’Nizza
- Minn tal-inqas 84 persuna mejta, inkluż tfal, fl-aħħar attakk fi Franza
- Minn tal-inqas 18-il persuna f’qagħda kritika
- Il-media Franċiża qed tirrapporta li x-xufier, ta’ 31 sena, inqatel mill-Pulizija
- Estiż l-istat ta’ emerġenza li kellu jintemm dan ix-xahar
“Ġrejna għall-ħajjitna.” “Qbadt lill-ibni u proteġejtu milli jara dak li kien qed jiġri. Għadu imriegħed.”
Dawn huma tnejn biss mid-dikjarazzjonijiet ta’ persuni li kienu f’Nizza, proprju fiż-żona fejn trakk baqa’ dieħel qalb folla ta’ turisti u Franċiżi li l-Ħamis filgħaxija kienu qed jiċċelebraw Jum Bastillja.
Il-folla ġriet għall-għajnuna u biex issib post sigur. Min daħal f’ristorant u min sab kenn f’lukanda. Ma’ stazzjonijiet tal-midja internazzjonali ħafna rrakkontaw ix-xokk li għaddew minnu meta assistew għal attakk li minn tal-inqas ħalla tmenin persuna mejta u madwar għoxrin oħra feruti.
Dominique Molina, li tkellmet mas-CNN, qalet li kienet fuq il-post ma’ żewġha u binha ta’ 14-il sena u kellu jgħaddi ftit tal-ħin biex intebħet li t-trakk kien qed jinstaq qalb il-folla b’mod mill-iktar konxju.
Żewġha Tony tkellem dwar kif fi ftit tal-ħin bdew jaraw l-iġsma bla ħajja mal-art.
“Kienet xena ta’ dwejjaq. Għax kien hemm familji mal-art jibku ħdejn il-katavru tal-qraba tagħhom,” qal filwaqt li deher ixxokjat.
Ħafna kienu għadhom kif segwew wirja piroteknika mill-isbaħ, fosthom Paul Delane li rrakkonta: “Is-sieħba tiegħi qabditli idi b’mod immedjat u bdejna niġru ma’ kulħadd. Onestament f’’moħħi ma kelliex idea ta’ xkien għaddej.”
Stat ta’ emerġenza estiż
Dan l-attakk wassal biex il-Preisdent Franċiż Francois Hollande ħabbar li se jkun qed jestendi l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż li kien mistenni jintemm fis-26 ta’ Lulju wara l-attakki li seħħew fl-aħħar xhur. Il-President Hollande iddeskriva l-attakk bħala mostrożita u ddikjara:
“Franza kollha tinsab taħt l-attakk tat-terrur Iżlamiku.”
Tenna li wieħed irid ikun viġilanti fl-istess ħin li juri determinazzjoni. “Xejn mhux se jaqtalna qalbna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,” qal il-mexxej Franċiż li reġa’ tenna li Franza tibqa’ b’saħħitha quddiem dawn il-fanatiċi.