GreenPak Coop Society, li tħaddem l-ikbar skema ta’ rkuprar ta’ skart f’Malta, qed testendi s-servizz ta’ kuljum għall-ġbir ta’ fliexken tal-ħġieġ vojta minn bars u ristoranti f’Paceville. Dan is-servizz isir mis-1.00am il quddiem tul ix-xatt tal-Gżira, tas-Sliema u San Ġiljan, u issa wkoll f’Paceville. It-trakk tal-ġbir jibda minn Manoel Island, jgħaddi mix-Xatt, Qui-si-Sana, Triq it-Torri, il-Bajja ta’ Balluta, għat-telgħa ta’ Spinola, u jkompli r-rotta madwar iż-żoni kummerċjali ta’ Paceville.
Ir-rotta ta’ Paceville tinkludi Triq Dobbie, Triq Gort, Triq Dragonara, Triq il-Knisja, Triq Paceville, Triq Ross, Triq Salvu Privitera, Triq Schrieiber, Triq Sant’Andrija, Triq Santu Wistin, Triq Wilġa, u x-Xatt San Ġorġ.
“Il-ġbir tal-ħġieġ li jsir fis-sigħat bikrin minn GreenPak ilu jitmexxa mingħajr waqfien u mingħajr ħlas minn Awwissu 2016, u b’hekk qed niżguraw strateġija tal-iskart aktar favur l-ambjent għal dawn il-bars u stabbilimenti tal-ikel. S’issa ġbarna 35,200 kilo’ ta’ fliexken tal-ħġieġ vojta,” qal Daniel Tabone, Maniġer tal-Operat ta’ GreenPak Coop Society.
“Mutul ix-xhur bieżla tas-sajf, l-istabbilimenti f’dawn il-lokalitajiet, jipproduċu volum akbar ta’ fliexken vojta. Apparti li minflok jispiċċaw fil-miżbliet, qed niżguraw ukoll l-inqas tniġġis minn ħsejjes u konġestjoni tat-traffiku possibli, bl-inqas interruzjonijiet għan-negozji, kif ukoll ambjent aktar pulit f’dawn il-postijiet tax-xogħol u madwarhom,” żied Tabone.
B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali ta’ tas-Sliema, tal-Gżira u ta’ San Ġiljan, flimkien mad-Dipartiment tas-Servizzi tat-Tindif, is-servizz li qed isir bla ħlas, jiġbor biss fliexken u vażetti tal-ħġieġ vojta. Dan is-servizz ta’ kuljum, inklużi l-Ħdud, jibqa’ għaddej sal-1 t’Ottubru 2017. Mis-6 t’Ottubru 2017 is-servizz jitkompla fil-weekends (nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd) fl-istess ħin.
Barra minn hekk, GreenPak Cooperative Society tmexxi wkoll is-servizz ta’ kull xahar ta’ ġbir ta’ ħġieġ minn wara l-bieb u minn ħwienet kummerċjali kull nhar l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. F’Għawdex, dan is-servizz jitħaddem kull l-ewwel Ħamis tax-xahar.
Għal aktar tagħirf, persuna tista’ tikkuntatja lil GreenPak Coop Society fuq in-numru tat-telefon: 2166 0233 jew iżur il-websajt: www.greenpak.com.mt