GreenPak Cooperative Society ġabret u riċiklat b’suċċess 2,336,000 batterija, ekwivalenti għal 46,720 kilogramma.
F’termini ambjentali, dan ifisser li GreenPak naqqset l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) billi effettivament iffrankat 7,311 kilogramma. Barra minn hekk, il-ġbir irriżulta fi tnaqqis fid-domanda għall-fjuwils fossili b’29,115 megajoules, ikkonservat 8,601 litru t’ilma, u naqqas l-emissjonijiet ta’ materja partikulata b’6,330 gramma.
Dawn l-isforzi huma wkoll ekwivalenti għat-tħawwil ta’ 121 siġra, li jikkontribwixxu għar-rivitalizzazzjoni tal-ekosistemi naturali tagħna.
GreenPak huwa s-servizz ewlieni ta’ ġbir ta’ skart separat mifrux mal-pajjiż kollu. Il-ġbir u r-riċiklaġġ tal-batteriji minn GreenPak huma appoġġjati mill-kampanja tagħhom “Batteries for Hospice”.
Din l-inizjattiva ambjentali b’għan ta’ karità hi mmirata biex tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali filwaqt li tappoġġja lil Hospice Malta fil-missjoni tagħha li tipprovdi kura palljattiva eċċezzjonali. Permezz tal-impenn minn skejjel, organizzazzjonijiet, u negozji, il-kampanja “Batteries for Hospice” ħeġġet lill-komunità biex tipparteċipa b’mod attiv fil-ġbir u r-riċiklaġġ tal-batteriji, b’kull kontribuzzjoni tkun ta’ benefiċċju dirett għal Hospice Malta.
Aktar ma jinġabru batteriji, akbar tkun id-donazzjoni li ssir għal din il-kawża nobbli. Il-kampanja nlaqgħet tajjeb minn individwi u negozji, li qed juru l-impenn tagħhom kemm għall-ambjent kif ukoll għall-benefiċċju tal-komunita’.
Għal lista dettaljata tad-900 post ta’ ġbir ta’ batteriji disponibbli kollha mifruxa madwar il-pajjiż, żur is-sit: https://rb.gy/nrhi9.