Green roof fiċ-Ċentru Għajn għall-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat, li huwa magħmul minn tlett elef pjanta, se jintuża għal skopijiet xjentifiċi biex jiġbor informazzjoni li tista’ tintuża fi proġetti futuri.
Dan il-proġett se jesplora l-potenzjal ta’ din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.
Il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Katanja, u huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Dan il-green roof jinkludi varjetà ta’ veġetazzjoni addattata għall-klima ta’ pajjiżna, kif ukoll pannelli fotovoltajiċi biex jiġġeneraw enerġija nadifa.
Il-pjanti fuq il-bejt intagħżlu speċifikament għall-kapaċità tagħhom li jifilħu l-kundizzjonijiet niexfa ta’ Malta.
Għas-sentejn li ġejjin, dan il-proġett se jservi bħala prototip biex tinġabar informazzjoni dwar l-ilma tax-xita u kemm minn dan imur fil-veġetazzjoni u kemm idum fihom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano qal li permezz ta’ dan il-proġett, l-Aġenzija se tistudja l-benefiċċji tal-green roofs.
“Se jkollna soluzzjoni żviluppata għal Malta li tista’ tgħin biex ir-riskju li x-xita ġġib magħha jiġi mitigat waqt li nkomplu nkabbru u nsebbħu l-ambjent ta’ pajjiżna. ”
Manuel Sapiano – Kap Eżekuttiv EWA
Il-Ministru Miriam Dalli faħħret dan il-proġett u qalet li huwa pass ’il quddiem fl-impenn ta’ Malta għall-innovazzjoni klimatika.
“Ladarba jkollna dik id-data f’idejna nkunu nistgħu naraw kif jista’ jkollna iktar proġetti ta’ dan it-tip madwar il-pajjiż.”
Miriam Dalli – Ministru
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Università ta’ Katanja.