GREE Żurrieq Wolves Hotsticks bdew b’mod pożittiv l-impenji tagħhom fil-Hockey 7s meta b’wirja dominanti għelbu lil Floriana Young Stars 6-1.
Il-Hotsticks stabilixxew vantaġġ bikri ta’ 5-1 sa tmiem it-tieni quarter sabiex fl-aħħar nofs siegħa setgħu jamministraw il-logħba. Kieran Borg, Carmine Francese, Niki Runza, Jayden Cutajar, Kurt Bonnici u Stefano Schembri kienu l-awturi tal-gowls ta’ Żurrieq bil-Furjaniżi li naqqsu l-marġni tal-iskor minn Deemer Rapinett. Umpires kienu Keith Calleja u John Williams.
Matul dan tmiem il-ġimgħa ntlagħbet ukoll logħba mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena fejn Qormi Daikin kisbu rebħa tennistika ta’ 6-0 kontra Floriana Young Stars.
Giorgio Muscat kompla jikkonferma l-potenzjal tiegħu meta skorja erba’ gowls filwaqt li Sam Cassar u Zachary Farrugia komplew iżidu l-iskor għall-Qriema. Umpires kienu Alessandro Amore u Oscar Toledano.