Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li Adrian Delia u Bernard Grech huma idonji biex imexxu l-Partit Nazzjonalista ladarba xi ħadd minnhom ikun elett bħala Kap tal-Partit.
Madankollu fl-istess waqt l-istess Kummissjoni qalet li lanqas biss għadu tlesta l-proċess ta’ due diligence fil-konfront taż-żewġ kandidati.
Qal dan iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Colin Bowman waqt programm fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Bowman qal ukoll li minkejja li Kummissjoni tal-Kandidati kkonfermat li ż-żewġ kandidati prospettivi huma idonji biex imexxu l-Partit, il-proċess ta’ due diligence se jkun konkluż fi żmien il-perjodu ta’ sitt ġimgħat kif stipulat mill-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Dan it-tul ta’ żmien qed iħasseb mhux ftit lil ħafna persuni li jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt fl-editorjal ta’ The Malta Independent intqal kif xahrejn wara li Adrian Delia ġie sfiduċjat mill-grupp parlamentari tiegħu, il-Partit Nazzjonalista għadu bla saħansitra data għal elezzjoni tal-Kap tal-Partit.
L-editorjal sostna kif dan il-proċess qed itul wisq hekk kif qed ikun mistenni li sa Ottubru li ġej il-Partit Nazzjonalista jkun għadu mingħajr Kap ġdid jew konfermat.
Il-gazzetta rrimarkat kif dan il-proċess jidher li se jtul id-doppju tal-proċess elettorali li wettaq il-Partit Laburista meta eleġġa Mexxej ġdid f’Jannar li għaddha.
Intant The Times irrapurtat kif bħala parti mill-proċess ta’ due diligence, Adrian Delia daħħal il-formola tat-taxxa għas-sena 2018.
Dan ifisser li daħħalha sena tard.