Jidher li fl-imkejjen tad-Dar Ċentrali Bernard Grech m’għandux nuqqas ta’ qbil biss ma’ Adrian Delia iżda hemm ukoll diverġenzi mal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola.
Mistoqsi minn ONE News dwar il-pożizzjoni ta’ Metsola fuq l-għoli tal-bini, Bernard Grech bagħat messaġġ lil dik li trid tieħodlu postu, u qalilha li l-Kap huwa hu.
Meta kien mistoqsi: “Fl-4 ta’ Ġunju li għadda Roberta Metsola kienet qalet li trid politika dwar l-ogħli tal-bini, issa int min-naħa l-oħra qed tgħid li trid tħalli dak id-dritt ta’ min għandu, biex jgħolli l-bini minħabba li dan huwa dritt li jingħata mill-pjanijiet lokali. Fuq din min ser imexxi? Int jew Roberta Metsola?”
Grech qal, “Bla dubju l-kap tal-Partit Nazzjonalista huwa jiena, l-ogħli tal-bini li llum huwa permess huwa permess.”
Imkejjen mid-Dar Ċentrali qalulna kif Bernard Grech mhux kuntent bil-popolarità li għandha Roberta Metsola mal-establishment Nazzjonalista.
Huwa kien skomdu wkoll biex jwieġeb dwar il-pożizzjoni li ħadu l-ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa meta astjenew f’vot sabiex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru ssir reat kriminali skont liġi Ewropea.
Minflok wieġeb dwar jekk jaqbilx mal-pożizzjoni tagħhom huwa lebbet lejn il-karozza bl-assistent tiegħu jagħlaqlu jiġri l-bieba.
Meta reġa’ kien mistoqsi: “L-Ewroparlamentari Metsola u David Casa astjenew fejn jidħol vot li jara, jiġi reat kriminali vjolenza abbażi tal-ġeneru. Taqbel ma’ din il-pożizzjoni?
Bernard Grech qalilna, “Grazzi ħafna.”