Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien skomdu meta f’konferenza tal-aħbarijiet ġie mistoqsi dwar l-allegazzjoni li Adrian Delia xxaħħam biex il-Partit Nazzjonalista jaħdem kontra David Casa, fi żmien li Delia kien Kap.
Din kienet waħda mill-iktar allegazzjonijiet iebsa li l-klikka ta’ Bernard Grech użat biex itajjar lil Delia minn Kap, u dwarha nfetħet inkjesta maġisterjali.
Sal-lum il-Partit Nazzjonalista ma ta ebda dettalji dwar din l-investigazzjoni u, meta ġie mistoqsi dwar dan, Bernard Grech qal biss li ma jindaħalx.
Bernard Grech qal “Ma nindaħalx fil-ħidma tal-ġudikatura.”
Filwaqt li qal hekk, Bernard Grech qagħad attent li ma jaqbiżx għal Adrian Delia għax jaf li l-akkużi ġew minn nies li ħadmu għalih biex sar Kap minflok Delia.
Intant, l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, mera lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon u qal li mhux minnu li hemm inkjesta maġisterjali b’rabta mal-allegazzjonijiet imsemmija.
Id-deputat Adrian Delia qal “Skorrett għall-aħħar meta tgħid li hemm inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħi. M’hemmx.”
Dan minkejja li l-midja indipendenti wkoll tmeri din iċ-ċaħda mill-eks Kap Nazzjonalista
Fis-sajf tal-2020 kien ġie allegat li Adrian Delia kien ġie offrut flus mis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dawn l-allegazzjonijiet kien ħareġ bihom l-eks deputat Nazzjonalista David Thake.
David Thake qal “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lill-Partit biex David Casa ma jiġix elett? Inti forsi infurmat, jew ma nafx jekk intix infurmat, li offra €50,000 Yorgen Fenech biex Casa ma jiġix elett.”
ONE News kien staqsa lil David Thake dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Filwaqt li sostna li dak li kellu xi jgħid kien qalu lill-Maġistrat, huwa kkonferma li hemm inkjesta maġisterjali fil-konfront ta’ Adrian Delia, minkejja li dan tal-aħħar qed jgħid mod ieħor.
David Thake qal “Mela, il-materja li qed issemmi inti hija soġġetta issa għal investigazzjoni, issa, mhux hekk, u inkjesta maġisterjali, u dak kollu li kelli xi ngħid għidtu lill-Maġistrat.”