Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien skomdu għall-aħħar meta ġie biex jwieġeb dwar il-pożizzjoni li ħadet Roberta Metsola dwar il-Lvant Nofsani.
Metsola ġibdet kritika kemm lokali u anke barra minn xtutna dwar l-aġir irresponsabbli tagħha b’reazzjoni għall-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas. Fil-fatt, ġiet akkużata li, kull meta jinqala’ xi kunflitt, l-ewwel ħaġa li tiġiha f’moħħha hi liema se tkun is-‘sound bite’ għall-okkażjoni.
Dan wara li Metsola, ħadet l-okkażjoni għal promozzjoni personali u r-ritratti u tat biss l-appoġġ lil Iżrael, waqt żjara li għamlet, li bl-attakki tal-qawwiet tiegħu nqatlu eluf ta’ persuni ċivili f’Gaza.
Il-Kap Nazzjonalista ġie mistoqsi propju dwar dan u bi stil tipiku tiegħu, l-ewwel ra kif joqgħod idur mal-lewża sakemm jaħseb fi tweġiba.
Ġurnalist: “Taqbel mal-pożizzjoni ta’ Roberta Metsola dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani.”
Bernard Grech: “Dawn huma mistoqsijiet interessanti.”
Qal ukoll, “Roberta Metsola għandha l-opinjoni tagħha bħala President tal-PE.”
Ftit wara kellu jiġbed mal-ispaga tal-establishment li jmexxih u ħa l-pożizzjoni tad-double standards ta’ Metsola hekk kif iġġustifika l-pożizzjoni tagħha.
Stqarr, “Hemmhekk mhux qed tirrapreżenta biss lill-PN.”
Din mhux l-ewwel darba fejn Bernard Grech kien skomdu minħabba Metsola filwaqt li jara li ma jurtax lill-establishment Nazzjonalista.
Ftit tax-xhur ilu, Il-Kap Nazzjonalista tefa’ battuti ċari lejn Roberta Metsola meta mistoqsi mit-Times dwar il-futur tiegħu.
Futur li huwa inċert hekk kif qed jibqa’ juri li huwa indeċiż fl-isfond tal-fatt li l-establishment Nazzjonalista qed jibqa’ jiżen jekk iħallihx fil-kariga ta’ Kap jew le.
Qal, “Jekk Alla jrid, fl-elezzjoni li jmiss terġa’ tkun MEP fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, kif fil-fatt hi diġà kkonfermatli. Allura nħares ’il quddiem biex inkomplu naħdmu flimkien, jiena bħala Kap u hi bħala MEP tal-Partit Nazzjonalista.”