Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech seta’ jittella’ l-Qorti li kieku ma wasalx għal ftehim ta’ pagamenti dwar il-kontijiet pendenti ta’ taxxa u VAT li akkumula matul is-snin.
Qal dan uffiċjal għoli fi ħdan id-Dipartiment tal-Ħlas tat-Taxxa mal-gazzetta The Times hekk kif spjega li Grech beda jirċieva korrispondenza sabiex iħallas kontijiet pendenti sa mill-2006.
Korrispodenza li dakinhar kienet dwar nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa bejn 1990 u l-1996 u li kienet tammonta għal €2,643.
Jekk dan mhux kollox fl-2012 intbgħatet notifika oħra lil Grech dwar każ ieħor ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa din id-darba għall-perjodu ta’ bejn 1999 u l-2011 u li kien jammonta għal €33,684.
Il-nuqqasijiet ta’ Grech dwar il-ħlasijiet relatata ma’ dħul ma waqfitx biss mat-taxxa iżda anke fuq VAT.
Fl-2009, Grech li jaħdem bħala Avukat iddikjara dħul ta’ €6,500 biss. Dan għaliex skontu kien jaħdem 4 sigħat fil-ġimgħa.
Dan filwaqt li fl-2013 iddikjara dħul ta’ €15,000.
Sorsi qrib il-kamp ta’ Bernard Grech u li huma nfurmati sew dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu qalu li bejn l-2014 u l-2016 Grech iddikjara dħul inqas milli verament daħħal madankollu dan irranġah fl-2018.
L-istess ġara għad-dħul iddikjarat fl-2016, fl-2017 u l-2018.
It-Times qalet kif Grech ammonta somma kbir ta’ flus f’penali minħabba l-irregolaritajiet li kellu fosthom żewġ ċitazzjonijiet li laħqu l-€2,000 u l-€1,300 rispettivament. Dan apparti €29,000 fi ħlas tal-VAT li kellu jħallas bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u dsatax
Meta kien mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħu mad-Dipartiment tal-Ħlas tat-taxxa Bernard Grech qal li kellu diffikultajiet finanzjarji fl-aħħar snin.