Bernard Grech spiċċa ostaġġ tas-sitwazzjoni u kompla jitlef il-kredibilità wara li David Thake nkixef li żamm f’butu aktar minn kwart ta’ miljun ewro flok ħallasha f’VAT dovuta.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu li Grech ma setax jagħmel mod ieħor ħlief jiddefendi lil Thake, għal żewġ raġunijiet.
Waħda minnhom għaliex Bernard Grech m’għandux l-awtorità morali li jċanfar lil Thake għaliex l-istess dnub fiskali għamlu hu fuq medda twila ta’ żmien.
“Erġajna koppi, meta ġrat ta’ Jason Azzopardi ma seta jgħidlu xejn u lanqas fuq Thake, il-Kap ma jistax jiftaħ ħalqu”, qalilna wieħed minn ta’ ġewwa fl-istamperija.
Dan b’referenza għall-fatt li Grech għamel żmien twil ma jħallasx it-taxxa ta’ eluf ta’ ewro u ħallas biss wara li tefa’ ismu biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Apparti minn hekk, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, il-fazzjoni li lil Grech poġġietu Kap, mhux biss qed tfakkar lil Bernard Grech li fuq evażjoni ta’ ħlas ta’ taxxa, hu ma jistax imqar ilissen kelma, iżda qaltlu li Thake ma jistax jintmess għax hu wieħed minn tal-fazzjoni u li dejjem sabuh.
“Thake untouchable”, qalilna s-sors tagħna, li żied jgħid kif mhux ta’ b’xejn li ftit tas-sigħat wara li t-Times żvelat kif Thake ma ħallasx ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro f’VAT dovuta fuq medda twila ta’ żmien, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija jiddefendi lil Thake.
Quddiem dan kollu qed tqum il-fazzjoni l-oħra, dik t’Adrian Delia, li saħqet li kieku l-każ kien fuq xi ħadd minn naħa tagħha, l-istorja kienet tkun differenti.
“Xebgħa jgħid, jaqla’ u jżejjen fuq ir-raġel tagħna”, saħaq wieħed li jkun ma’ ta’ Delia, b’referenza għall-filmati li kien jagħmel David Thake biex jitqaċċat Delia minn Kap.
Ta’ Delia fakkru li biex Thake ma ħallasx aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat, Thake daħħal iżjed minn miljun u nofs ewro fuq medda twila ta’ żmien.
Id-Deputat Nazzjonalista David Thake kien il-bniedem li għamel l-allegazzjoni fuq ix-xandir, li Delia ħa flus mingħand l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet.
Fuq dak li kien qal Thake saħansitra hemm inkjesta, bis-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali jgħidulna li l-kwistjoni Thake hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ ġlied u qasma fil-Partit Nazzjonalista.
Biex b’hekk Bernard Grech għalaq is-sena kif bdieha, imexxi partit maqsum u ostaġġ ta’ kurrenti differenti fl-istess partit.