Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li d-diskors tiegħu fil-Parlament b’rabta mal-emenda proposta għall-kodiċi kriminali, ġie mdawwar u abbużat.
B’mod ċar, ma kellu l-ebda apoloġija x’jagħmel.
Bernard Grech qal dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon b’reazzjoni għall-kritika kbira li attira d-diskors tiegħu.
Ġurnalist – “Dr Grech – Se tapoloġizza għad-diskors li għamilt? Ħafna qalulek li stajt weġġajt ħafna nisa…”
Bernard Grech – “Naħseb li meta wieħed jitkellem fuq affarijiet daqshekk sensittivi, irid joqgħod attent kif jabbuża mill-mod ta’ kif jipprova jdawwar, anke min-naħa tagħkom.”
Ġurnalist – “Qed indawruha? Kburi, jiġifieri, b’dak li qed tgħid? “
Bernard Grech – “Ħa nibqa’ naħdem u nistinka. L-issue huwa l-abort.”
Mistoqsi għal darba wara oħra mill-ġurnalist jekk għandux apoloġija x’jagħmel, Bernard Grech ma lissinx kelma waħda.
Ġurnalist – “Mhux se tapoloġizza jiġifieri? Mhux ħa tapoloġizza jiġifieri? Mistoqsija sempliċi – Iva jew le? Kburi b’dak li għidt?”
L-Erbgħa li għadda, Bernard Grech għamel diskors fil-Parlament li ġie deskritt bħala insensittiv u xokkanti minn bosta individwi u entitajiet madwar pajjiżna.
Id-diskors għamlu waqt l-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament, hekk kif kienet qed tiġi diskussa l-emenda fil-Kodiċi Kriminali biex jiġu protetti kemm l-omm kif ukoll il-professjonisti mediċi meta jkun hemm kumplikazzjoni waqt it-tqala li tista’ tpoġġi f’periklu lil ħajjet jew saħħet il-mara.
F’dan id-diskors, Bernard Grech kompla bil-kampanja ta’ biża’ li qed twettaq l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-konfront ta’ din l-emenda.