Bernard Grech ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista m’għandux studju li joffri ċertezza li t-tramm bla binarji li qed iwiegħed jista’ jsir f’pajjiżna.
Dan għalkemm Bernard Grech qed iwiegħed li jekk ikun Prim Ministru ser iwettaq dan it-tramm fi żmien ħames snin.
Meta mistoqsi dwar dikjarazzjoni li kien hemm fid-dokument li ħareġ, Bernard Grech għall-ewwel ipprova jaħbi li għad m’għandux feasibility study f’idu.
Affaċjat bil-fatt li fid-dokument tal-‘costings’ li ħareġ fl-aħħar jumejn tal-kampanja elettorali, hu stess kien ikkonferma li għadu ma sarx feasibility study dwar it-tramm bla binarji, Bernard Grech kellu jammetti li f’idu m’għandux l-istudju li juri kemm dan jista’ jkun ta’ benefiċċju jekk isir f’pajjiżna.
Fl-aħħar jum ta’ kampanja elettorali lil Bernard Grech staqsejnieh ukoll dwar kemm ser iżid il-pensjonijiet għall-anzjani f’ħames snin.
Filwaqt li mal-Partit Laburista l-pensjonanti jafu li ser jaraw żieda ta’ minn tal-inqas €15 fil-ġimgħa, Bernard Grech ma kienx jaf kemm ser iżidhom.
Huwa saħansitra spiċċa jgħid li Gvern Laburista żied il-pensjonijiet biex jixtri l-voti. Dan għalkemm b’mod konsistenti Gvern Laburista dejjem ta l-ikbar żidiet fil-pensjoni, iktar u iktar meta kkumparat mal-friża tal-pensjonijiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.