Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma kkundannax l-attakk bla bażi fuq l-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, kif ukoll l-interruzzjonijiet mill-Oppożizzjoni, it-Tnejn fil-Parlament.
Dan minkejja li l-ġurnalista staqsietu iswed fuq l-abjad, jekk jagħmilx il-kliem tiegħu meta deputati Nazzjonalisti qalu li l-Ispeaker hu “oxxenn”, “sfaċċat” u li “jista’ jpoġġi fuq in-naħa tal-Gvern”.
Minflok ma wieġeb il-mistoqsija, hu, għal darb’oħra, kompla bl-attakki tiegħu biex jgħatti xturu.
Fil-fatt, huwa gerger ukoll li l-Prim Ministru ma spjegax.
Dan minkejja li, għal iżjed minn sagħtejn u nofs, kien hemm tfixkil u interruzzjonijiet mill-Oppożizzjoni, tant li l-Prim Ministru ma tħalliex jitkellem u jagħmel l-istqarrija ministerjali tiegħu biex jispjega u wara jkunu jistgħu jsiru l-mistoqsijiet li jridu.
Fl-isfond tal-għajjat u l-insulti, kontra l-Ispeaker, li m’aċċettax dak li talbet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, hekk kif jista’ jippreġudika l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin, dawn qajmu għadd ta’ point of orders u ħaduha qatta bla ħabel kontra l-President tal-Kamra tad-Deputati.
Kien hawn li l-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina sejjaħ lill-Ispeaker bħala “sfaċċat”, u li għal ftit għandu joqgħod “man-naħa tal-Gvern”, bis-seduta tiġi sospiża diversi drabi.
Minkejja dan, il-Prim Ministru baqa’ jipprova jagħti spjegazzjoni, iżda l-Oppożizzjoni assolutament ma ħallietux jagħmel dan.
Fis-seduta tat-Tnejn, l-Ispeaker ikkundanna l-aġir fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u, waqt li l-Prim Ministru mexa mad-deċiżjoni, Bernard Grech ried ikompli jagħmel ta’ rasu u qal li se jżomm ma’ kliemu.
Sadanittant, fil-bidu tas-seduta tat-Tlieta, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia mill-ġdid reġa’ ċanfar u kkundanna l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament.
Intqal li dan wassal biex is-seduta tal-bieraħ ġiet sospiża ħames darbiet u l-Kamra ma setgħetx tmexxi bix-xogħol tagħha.