Bil-pressjoni żżid fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-attiduni ta’ Bernard Grech fuq min jistaqsih id-domandi qed issir iktar konfrontattiva.
F’perjodu fejn qed ibati minn inċertezza kbira għaliex l-awtorità tiegħu kienet imminata mill-Grupp Parlamentari, Bernard Grech, spiċċa jew jinjora d-domandi jew litteralment jaħrab.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel hekk anke meta mistoqsi dwar ir-riforma fil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Wara li fl-aħħar ġimgħat deputati tiegħu taw l-impressjoni li se jitressqu xi numru ta’ emendi fi stadju ta’ Kumitat, il-kontribut li ngħata fil-Kumitat tal-abbozzi ta’ liġijiet kien xott ħafna, kif anke ġie nnutat minn rapporti fil-gazzetti.
Staqsejna dwar dan lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Qal, “Ressaqna l-proposti tagħna waqt illi konna qegħdin nitkellmu.”
Tant qed jinqabad f’inkonsistenzi, li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħżel li jipprova jagħlqilna ħalqna.
Anke jekk saqsejnih domanda leġittima dwar għaliex m’għamilx emendi fil-kumitat.
Dan mhux l-uniku suġġett li ħarab minnu.
Tant li domandi oħra dwar l-irwol tad-Deputy Speaker Claudette Buttigieg ukoll ħarabhom.
Dan billi qam u telaq jiġri ’l barra bħal kif jagħmel xi ħadd li jkun dahru mal-ħajt.